Marlene Farrugia irriżenjat mill-Partit Laburista. Għalkemm dan seħħ il-bieraħ, hi aħbar li min isegwi ix-xena politika ilu jxomm li kienet ġejja. Ir-raġuni hi ukoll ċara. Il-veduti tagħha dwar l-ambjent u dwar il-governanza jikkontrastaw ma dawk tal-partit.
Ma hemm l-ebda sorpriża dwar dan.
Simon Busuttil qalilna li l-Moviment beda jixxaqqaq. Mario de Marco, iktar kawt (u jibni inqas kastelli fl-ajru), jgħid li ir-riżenja ta’ Marlene Farrugia hi “wake-up call”, sinjal għal Gvern li ma jridx jisma’.
Ir-riżenja seħħet wara li Marlene Farrugia ivvutat favur emendi għall-abbozz ta’ liġi dwar l-ambjent li tressqu mill-Opposizzjoni. Hu interessanti li l-emendi li ressqet l-Opposizzjoni kienu jinkludu proposta ikkupjata mill-Manifest Elettorali ta’ Alternattiva Demokratika: li qabel mal-Gvern jaħtar iċ-Charman tal-awtorità ambjentali, għandu jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament. L-emendi m’għaddewx.
Ir-riżenja ta’ Marlene tfisser li hi qatgħet qalbha li l-Partit Laburista jimxi mal-Manifest Elettorali tiegħu stess favur transparenza u iktar serjetà fil-governanza ambjentali.
Kulħadd għandu jirrikonoxxi li matul dawn is-sentejn u nofs li għaddew Marlene tat kontribut biex tipprova tissensibilizza lill-Partit Laburista dwar il-ħarsien tal-ambjent. Sfotunatament ma jridx jisma’ u jitgħallem.
Għad jiddispjaċih, imma dakinnhar ikun tard wisq.