Il-laqgħa fi gżiritna biex jissaħħaħ il-proċess ta’ djalogu dwar il-migrazzjoni, hu pass il-quddiem. Prosit lil kull min ta’ sehemu fl-organizzazzjoni ta’ dan is-Summit.
Pero, minkejja dan, is-Summit wera li l-flus ma jsolvux il-problemi.
Ir-realtà tibqa’ waħda: ma hemm l-ebda ċans li tieqaf il-migrazzjoni illegali sakemm ma jinfetħux il-possibilitajiet għall-migrazzjoni legali u bl-ordni. Dan hu pass neċessarju biex l-immigranti ma jibqgħux jipperikolaw ħajjithom. Dan hu dak li jixtiequ l-pajjiżi Afrikani. Imma fl-istess waqt dan hu dak li ma jridux l-istati Ewropej, għax jibżgħu mill-konsegwenzi politiċi. Ir-reżistenza li hemm m’hiex waħda żgħira. F’dan is-sens, is-Summit kien falliment.
Il-migrazzjoni eżistiet minn dejjem u ħadd ma hu ser izommha jew iwaqqafha. Illum, id-dinja saret pajjiz wieħed, iktar minn qatt qabel. Imma fis-Summit , l-Unjoni Ewropeja baqgħet tipprova, bla suċċess, tmexxi l-quddiem l-idea ta’ Ewropa fortizza.
Il-bniedem jiċċaqlaq minn pajjiż għall-ieħor biex jaħrab mill-persekuzzjoni, jew minħabba nuqqas ta’ ħtiġijiet bażiċi biex jgħix ħajja diċenti. Għandna lil min hu imbuttat min-nixfa, minn agrikultura li qed tikkrolla inkella minn gwerra ċivili. Jaħarbu minn tbatija kbira.
It-tmexxija korrotta f’diversi pajjiżi Afrikani ma tispirax fiduċja għal ġejjieni li jipprometti. Għax wara li l-Ewropej serqu kullma sabu minn diversi kolonji Afrikani li kellhom, l-ftit li baqa’ tberqaq jew qiegħed jitberbaq.
M’huwiex faċli l-anqas li xxettel id-demokrazija f’pajjiżi fejn il-lealtà prinċipali hi lejn it-tribú. Sfortunatament id-demokrazija m’għandhiex egħruq f’dawn il-pajjiżi Afrikani.
It-triq hi diffiċli. Imma huwa essenzjali li l-ħajja ta’ bnedmin tad-demm u l-laħam ma tibqax fil-periklu.
Il-pjan ta’ azzjoni hu ta’ għajnuna. Il-fond ta’ kważi żewġ biljun ewro flimkien ma dak li ser iżidu miegħu l-pajjiżi individwali, huwa pass il-quddiem.
L-ewwel pass minn ħafna oħrajn.
Malta u Għawdex huma mimlija b’dixxendenti ta’ immigranti. Għax Malta dejjem kienet ħanina ma min kien jeħtieġ l-għajnuna.
Imma dan l-ewwel pass kien żgħir wisq għax il-qalb ta’ bosta għadha iebsa ma min jeħtieġ l-għajnuna. Il-flus li l-Unjoni Ewropeja qed toffri jistgħu jtaffu l-qagħda ħażina f’uħud mill-pajjiżi. Imma l-problema ma jidhirx li ser tissolva fil-futur immedjat għax it-traġedja ta’ bnedmin maħruba li jitilfu ħajjithom fil-ħarba ser tibqa’ magħna sa mal-pajjiżi kollha Ewropej jiftħu id-dirgħajn tas-solidarjetà umana u jibdew jittrattaw lill-immigranti ta’ bnedmin u mhux ta’ numri. Kulħadd jeħtieg li jagħti sehemu, mhux biss flus, iżda l-iktar imħabba u solidarjetà.
Is-Summit ipprova jixtri l-kooperazzjoni tal-pajjizi Afrikani. Iżda dawn beżqu fis-sunnara. F’dan is-sens is-Summit kien falliment. Ta’ l-inqas il-Gvern ta’ Malta m’għadux favur il-pushbacks!