Sandro Chetcuti jqis liż-żewġ partiti (l-kbar) bħala żewġt iħwienet (kbar) li fihom in-nies tal-business (u b’mod partikolari l-iżviluppaturi tal-MDA) jinqdew meta jkollhom bżonn. Ġieli jixtru mingħand wieħed u ġieli mingħand l-ieħor. Skond x’ (policies) ikollhom għall-bejgħ. Min jixtri u min ibiegħ.
Forsi bla ma jrid, u mingħajr ma qagħad jomgħod il-kliem, Sandro poġġa sebgħu fuq il-ferita l-kbira fil-politika Maltija: il-politika tal-partiti l-kbar m’hiex ibbażata fuq dak li (suppost) jemmnu iżda fuq dak li jaħsbu li jista’ jġibilhom il-voti.
Allura għandna partit soċjalista li jitkellem u jaħdem kontra t-taxxa tad-dħul f’kompetizzjoni mal-konservattivi.
Il-konservattivi qatt ma kellhom ħeġġa biex jirrevedu l-paga minima. Imma li l-partit soċjalista (li jistħi jgħid li hu hekk) qiegħed attent idur u jdur biex jevita li jmiss mal-ħtieġa li jkun revedut il-basket li fuqu hi ibbażata l-paga minima, l-anqas titwemmen. Tinġieb elf skuża u tingħata elf spjegazzjoni għal dan.
Il-politika tas-supermarket li jħaddnu kemm il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista twassalhom biex fil-għodu jisfnu mal-ambjentalisti u waranofsinnhar jisfnu ma Sandro u sħabu. Hija politika tal-kuntrasti li jbikkuk.
Niftakar, snin ilu, lil min jirrakkonta storja dwar Membru Parlamentari Malti li tillustra din is-sitwazzjoni.
Dan il-Membru Parlamentari kienu kellmuh il-kumitat tal-każin tal-banda ta’ lokalità ewlenija fid-distrett elettorali tiegħu. Kienu inkwetati għax kellhom diffikultà dwar il-kamra tan-nar li dwarha kienu qed isibu opposizzjoni mill-bdiewa fl-inħawi. Il-Membru Parlamentari irranġalhom appuntament mal-Ministru u għodwa waħda mar magħhom sal-Ministeru. Lil Ministru spjegalu kemm kien meħtieġ li jgħin lill-kostitwenti tiegħu li qed jagħtu kontribut kbir għall-ħajja soċjali u kulturali fil-lokalità. Il-Ministru ħa nota u kemmex xuftejh.
Ftit ġranet wara, l-istess Membru Parlamentari kellu appuntament ieħor mal-istess Ministru. Din id-darba kien qed jakkumpanja delegazzjoni tal-bdiewa, irrabjati minħabba l-kamra tan-nar ippjanata għal ġo nofs ir-raba’ li jaħdmu.
(Ġrajja li tnissillek tbissima u li għalkemm kienu semmewli l-ismijiet tal-persuni involuti, mhux konvint li fil-fatt ġrat.)
Din hi l-politika tal-partiti l-kbar li jsemmi Sandro. Politika mhux ibbażata fuq dak li jemmnu, iżda fuq kif jingħoġbu. Il-politika ta’ kollox għal kulħadd ……….. bħall-ixkafef tas-supermarket.