Joe Cassar għamel sewwa li irriżenja. Kieku irriżenja qabel kien ikun aħjar. Nhar il-Ħadd diġa għamel apoloġija lill-votanti minħabba li irrealizza li għamel żball ta’ ġudizzju (error of judgement).
Kulħadd jiżbalja, imma l-iżball tal-Ministru għandu piż ferm ikbar. U meta Joe Cassar għamel l-iżball kien Ministru tas-Saħħa.
It-triq li issa għażel Joe Cassar hi it-triq tal-irġulija. Għax li tgħid li jiddispjaċik, li tgħid sorry, mhux biżżejjed.
Il-pass ta’ Cassar hu lezzjoni għal oħrajn li, fil-passat, flok irreżenjaw qalu sorry u waqfu hemm, kif ukoll punt ta’ referenza għal dak li għadu ġej. L-iżbalji politiċi ta’ ċerta gravità ma jissewwewx bis-sorry, imma bir-riżenja ta’ min jagħmilhom jew jippermettihom.
Hi sfortuna li Cassar ma irrealizzax x’kien għaddej madwaru, sakemm kien tard wisq. Huwa f’dan is-sens li wieħed irid jifhem il-kummenti tiegħu tul il-ġranet li żviluppa l-każ fil-pubbliku.
F’kitba oħra tiegħi fuq dan il-blog jiena iddeskrivejtu bħala baħnan fis-sens ta’ naive. Cassar żbalja għax fada u dan il-fatt kien hemm min approfitta ruħu minnu fil-logħba ta’ ħmieġ politiku li għaddejja bħalissa fil-pajjiż. Peró il-fatt li kienu tlett żbalji, wieħed wara l-ieħor, u li għalihom ma kienx hemm spjegazzjoni li tagħmel sens fisser, li l-jiem ta’ Cassar kienu magħduda.
Hu inevitabbli li din ir-riżenja għandha twassal għal iktar riżenji. Meta, ma nafx. Imma naħseb li mhux il-bogħod li miż-żewġ naħat tal-Kamra ikun inevitabbli li l-imġieba tkun ftit iktar onorevoli, bil-fatti.