Il-każ Joe Cassar hu logħba ċess bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil.
Hu imminenti li joħroġ ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-ħidma tat-Taqsima tal-Propjeta tal-Gvern. X’ser ikun fih dan ir-rapport ħadd ma jaf. Imma l-Gvern jaf x’irriżulta fl-inkjesta interna li diġa saret u li kienet konkluża fi tmiem Lulju 2015.
Dakinnhar, kumbinazzjoni, għal raġunijiet personali irreżenja d-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tal-Propjetà tal-Gvern.
Fil-każ ta’ Joe Cassar, s’issa l-informazzjoni hi li deher li irċieva rigali. Sfortunatament għal Cassar, il-mod li bih aġixxa jwasslu għall-konklużjoni li kienu rigali, anke jekk issa li l-affarijiet saru pubbliċi huwa jiċħad li qatt awtorizza li jsir xi ħlas f’ismu. L-iżball ta’ Cassar hu żball ta’ ġudizzju u imġieba mhux korretta. Imma huwa żball li jservi tajjeb fil-logħba ċess ta’ Joseph Muscat li kontinwament jipprova jmewwet dak li jagħmlu ta’ madwaru.
Li Cassar irreżenja minn kelliemi għall-kultura kien pass fid-direzzjoni t-tajba. Kien imma daqsxejn tard. Kien ikun ferm aħjar kieku irreżenja qabel, flok ma qagħad iġib argumenti fjakki bid-diskors li għamel il-ġimgħa l-oħra l-parlament.
Il-każ ta’ Joe Cassar kien bla dubju mossa intenzjonata biex tnaqqas l-impatt tar-rapport tal-Awditur Ġenerali li issa nistennewh minn ħin għall-ieħor. Rapport li ghalkemm Joseph Muscat ma jafx x’fih għandu indikazzjoni tajba dwar fejn jista’ jasal għax diġa għandu f’idejh ir-rapport tal-Internal Audit and Investigations Department dwar l-istess suġġett.
Għax jaf safejn jista’ jasal l-Awditur Ġenerali jrid ikompli jnaqqas il-ftit kredibilità li għad għandha l-Opposizzjoni. Il-messaġġ ta’ Joseph lil Simon hu wieħed: int ma tistax titkellem, għax ta’ madwarek għad għandhom ħafna x’iwieġbu.
Dan hu argument inaċċettabbli f’soċjetà demokratika. Jista’ jibqa’ jsir biss sakemm il-Parlament jibqa’ magħmul minn żewġ partiti. Għax bi tlett partiti fil-Parlament iċ-ċess politiku ma jistax jintlagħab.