Id-Diviżjoni tal-Propjeta tal-Gvern (Government Property Division) qegħda taħt il-lenti tal-Awditur Ġenerali. Qiegħed jinvestiga x-xiri da parti tal-Gvern ta’ parti minn propjetà fil-Belt Valletta u l-mod kif minflok ħallas bi flus in parti ħallas bi propjetà oħra. Hemm diffikultà dwar il-valuri kemm tal-propjetà li nxtrat kif ukoll tal-propjetà li ngħatat bi tpartit.
Il-Gvern għamel sewwa li ordna inkjesta interna mill-Internal Audit and Investigations Department dwar il-każ. Ir-rapport ta’ din l-inkjesta ilu xi ġimgħat lest u l-Prim Ministru ħabbar xi żmien ilu li fil-fehma tiegħu m’huwiex għaqli li jippubblika dak ir-rapport f’dan l-istadju u dan biex ma jippreġudikax l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali.
Ir-raġunament tal-Prim Ministru huwa korrettissimu. L-Awditur Ġenerali għandu jitħalla fil-libertà kollha fl-investigazzjoni tiegħu u għandu jkun hu li jippubblika l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni wara li jara dak kollu ta’ relevanza.
Waqt li qed nistennew il-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali hemm parti mill-media li qed tikkumenta dwar punti li jidhru li huma konsiderazzjonijiet magħżula b’mod selettiv mir-rapport tal-inkjesta li ġiet konkluża mill-Internal Audit and Investigations Department u li suppost għadu kunfidenzjali skond id-deċiżjoni tal-Prim Ministru.
Hi ħasra li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li ma jippubblikax ir-rapport tal-Internal Audit and Investigations Department ma ġietx osservata minn dawk fil-Berġa ta’ Kastilja li kellhom f’idejhom ir-rapport tal-inkjesta interna.
Għandna sitwazzjoni fejn il-Prim Ministru jiddikjara solennement mod u dawk ta’ madwaru jagħmlu mod ieħor. Hemm min jgħid li ħafna drabi d-dikjarazzjonijiet solenni tal-Prim Ministru Joseph Muscat trid teħodhom b’niskata melħ, għax ġeneralment ifissru bil-maqlub ta’ dak li jgħid.
Ovvjament politika ġdida din.