Il-maħfra ta’ Norman u l-kontabilità

norman_vella

 

Norman Vella qalilna li f’egħluq is-sentejn minn meta ġie investigat fuq teħid ta’ ritratti fil-parti ristretta tal-ajruport, imtella’ l-Qorti u liberat huwa qed jaħfer lil min ipprova jagħmel vendikazzjoni miegħu.

Norman jgħid li r-ritratti ma ittieħdux, u fil-fatt ħadd, s’issa, wara sentejn, għadu ma ipproduċa dawn l-imberkin ritratti u dan għax ma jeżistux.

Il-kaz ta’ Norman kien (u għadu) inkwetanti għax juri kif kultant il-Pulizija jtellgħuk il-Qorti biex jippruvaw ibeżżgħuk, u dan b’mod partikolari jekk ikunu irċevew telefonata mingħand xi ħadd imlaħħaq fid-dell tal-poter.

Fil-waqt li ħadd għadu ma skuża ruħu,  l-anqas (safejn naf jiena) ma jidher li ċċaqlaq il-Bord tal-Pulizija immexxi minn Imħallef irtirat li xogħolu hu propjament li jissorvelja l-imġieba tal-Korp tal-Pulizija. Il-membri tal-Bord jafu x’inhu jiġri, għax f’Malta qed jgħixu: kellhom jieħdu l-inizzjattiva huma biex jinvestigaw jekk u għaliex il-Pulizija f’dan il-każ intużawx bħala strument ta’ vendikazzjoni. Imma forsi l-membri kienu mħabbta wisq ……………… u għejjew ħafna għaldaqstant , tant li raqdu ftit.

Il-maħfra ta’ Norman m’għandiex tfisser li qed jaċċetta r-raqda ta’ min xogħolu hu li jissorvelja. Għax l-irqad f’posizzjonijiet sensittivi hu ta’ ħsara kbira għall-kultura ta’ kontabilità li, ngħiduha kif inhi, għadha ftit storduta.