Nisseparaw l-iskart organiku

apple

 

L-iskart li narmu hu fil-parti l-kbira tiegħu utli. Għalhekk aħna dejjem imħeġġa biex nirriċiklaw dak li s-soltu narmu. Dak li nirriċiklaw jibqa’ jdur fl-ekonomija u ma jinħeliex. Għalhekk nirriċiklaw u nerġgħu nużaw il-karta, l-ħġieġ, il-metalli u l-plastic. Kollha għad għandhom użu, anke meta għalina ma jkunx għadhom utli.

Nhar il-Ġimgħa 30 t’Ottubru, l-WasteServe, flimkien mal-ħames kunsilli lokali tal-Mdina, Ħal-Għaxaq, Ta’ Xbiex, Bormla u Birkirkara ser jagħtu bidu għall-ġbir separat tal-iskart organiku. Dan ser ikun proġett pilota fuq numru ta’ ġimgħat li permezz tiegħu l-iskart organiku ser jinġabar f’dawn il-lokalitajiet darbtejn fil-ġimgħa (it-Tnejn w il-Ġimgħa). Wara, l-ġbir tal-iskart organiku jibda jsir fil-lokalitajiet kollha.

Il-parti organika tal-iskart li narmu jammonta għal ftit iktar min-nofs tal-iskart li llum inqegħdu fil-borża s-sewda. Din tidher li hi l-iktar stima korretta u tirriżulta minn stħarriġ li għamel l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-2012. Studju addizzjonali li sar f’Settembru li għadda mill-WasteServe fil-lokalitajiet li ser jipparteċipaw fil-proġett pilota jindika li l-ammont ta’ skart organiku li niġġeneraw fil-lokalitajiet tagħna jvarja anke skond il-lokalità. Dan jista’ jkun rifless ta’ stil ta’ ħajja u/jew livell ta’ għixien (ftit) differenti fil-lokalitajiet tagħna, liema differenza tinkixef anke minn eżami tal-iskart li niġġeneraw.

Sar eżerċizzju ta’ informazzjoni bieb bieb li bih r-residenti fil-ħames lokalitajiet diġa ġew infurmati x’għandhom jagħmlu. Ingħatawlhom boroż bojod u kontenituri bojod tal-plastic li minnhom tgħaddi l-arja biex iqegħdu l-boroz fihom u l-iskart ma jrejjaħx.

L-iskart organiku huwa prinċipalment fdal tal-ikel kif ukoll skart tal-ġonna. Jista’ jinkludi ukoll karti u kartun.

Meta l-iskart organiku jinġabar minn wara l-bieb tagħna, dan jittieħed fl-impjant ta’ Sant Antnin f’Wied il-Għajn fejn issir verifika li fil-borza hemm biss dak li suppost. Wara, l-iskart organiku jitqiegħed f’apparat imsejjaħ waste digester  fejn jiddikomponi u jipproduċi il-gass metanu (methane) li l-ewwel jinġabar u eventwalment jinħaraq biex jipproduċi l-elettriku.

Mill-proċess kollu tirriżulta ukoll kwantità ta’ sħana li ser tintuża biex jissaħħan l-ilma tas-swimming pool terrapewtiku li għanda l-Fondazzjoni Inspire li qiegħed  ftit il-bogħod. Li jibqa’, jintuża bħala kompost.

Dan il-proġett pilota biex jinġabar separatament l-iskart organiku għandu l-potenzjal li jnaqqas b’mod sostanzjali l-iskart li jispiċċa fil-miżbliet tagħna. L-iskart fil-borza s-sewda jista’ jonqos saħansitra bin-nofs. Il-gass li minnu jiġi prodott l-elettriku jonqos mill-emissjonijiet serra tal-pajjiż u b’hekk ukoll b’dan il-proġett inkunu qed nagħtu s-sehem tagħna biex jonqsu l-impatti li qed jagħtu kontribut għat-tibdil fil-klima.

Għalhekk hu neċessarju li nisseparaw l-iskart. Għax innaqqsu l-impatti ambjentali u fl-istess ħin inkunu qed nagħtu l-kontribut żgħir tagħna biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.

ippubblikat fuq iNews it-Tnejn 26 t’Ottubru 2015

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s