Il-mina bejn Malta u Għawdex

Gozo_tunnel_route_alignment_options

 

Ma nafx jekk il-Ministru tal-Finanzi kienx jaf x’inhu jgħid meta qal li l-feasibility study “ikkummissjonat minn Transport Malta u l-Gozo Business Chamber” dwar il-mina bejn Malta u Għawdex kien lest. Imbagħad fis-sentenza ta’ wara jgħidilna li l-pass li jmiss issa huwa l-istudju tekniku u ġeoloġiku dwar il-mina.

Il-mistoqsija toħroġ waħedha: kif tista’ tagħmel feasibility study sura, jiġifieri studju dwar jekk jaqbilx li jsir il-proġett, meta għadek ma lestejtx l-iktar studju importanti: dak ġeoloġiku.

Dan ilu żmien jingħad minn kull min jaf l-affarijiet.

Jiena ktibt dwar dan kważi ħames snin ilu.

Iktar importanti milli ktibt jien, illum tkellem mat-Times il-ġeoloġista Peter Gatt. Tkellem ukoll mat-Times nhar it-3 ta’ Frar 2011.

Dr Peter Gatt jispjega fit-Times tal-lum għaliex qabel ma jsir l-istudju ġeoloġiku ma tista’ tikkonkludi xejn. Dan l-istudju hu “a vital first step”. Dan minħabba li l-istudju ġeoloġiku, jekk isir sewwa, jidentifika l-problemi ġeoloġiċi fuq ir-rotta li tkun ser titħaffer. Min-naħa l-oħra, jispjega Dr Gatt, jekk l-istudju ma jsirx, jew ma jsirx sewwa l-ispejjes tal-proġett jimmoltiplikaw. Kif ġara, jgħidilna Dr Gatt, fil-mina bejn Delimara u l-Marsa [bejn iż-żewġ power stations] li swiet id-doppju ta’ dak ippjanat minħabba li, billi ma kienx hemm informazzjoni ġeoloġika adegwata f’idejn min fassal il-proġett, kien hemm kollass tal-blat f’diversi partijiet tal-mina.

Dr Gatt isemmi l-eżempju tal-istudju ġeoloġiku li sar bi preparazzjoni għaċ-Channel Tunnel bejn l-Ingilterra u Franza. Dan l-istudju dam 50 sena biex sar u minkejja dan, l-ispiża taċ-Channel Tunnel xorta varjat bi 80% mill-istima oriġinali.

Meta wieħed iqis dan kollu ma nafx x’feasibility study sar!

Qalulna ukoll (mhux fil-baġit) li l-mina ser tiġi tiswa madwar €250 miljun. Meta tqis l-ispejjes li jistgħu jkunu meħtieġa minħabba l-kundizzjonijiet ġeoloġiċi taħt il-Fliegu bejn Malta u Għawdex, naħseb li din l-istima hi baxxa ħafna. Fil-fatt jiena fl-artiklu tiegħi tal-2011 kont għidt li probabbilment li l-ispiża tkun bejn €1 biljun u €1.5 biljun. Dan kont ibbażajtu fuq l-ispiża stmata għall-mina bejn il-gżira Daniża ta’ Lolland u l-gżira Ġermaniża ta’ Fehmarn li kienet qed tkun diskussa f’dak iż-żmien. Għalkemm dawn huma stimi imma xorta hemm diskrepanza kbira li mhiex ġustfikata.

Hemm dawn il-problemi kollha u għandna ma bdejniex nitkellmu dwar impatti ambjentali, li minnhom hemm bosta.

Il-mina, biex issir, ser tiġġenera kwantità kbira ta’ blat imqatta. Dan ivarja skond id-diżinn u jista’ jammonta sa żewġ miljun metri kubi ta’ blat. Hemm ukoll is-siti Natura 2000 li qegħdin viċin ħafna taż-żona fejn ser tiżbokka l-mina fl-inħawi taċ-Ċumnija limiti tal-Mellieħa.

Imma l-feasibility study lest, qalilna l-Ministru!

Advertisements

2 comments on “Il-mina bejn Malta u Għawdex

  1. Stharrig geologiku relatat ma ‘ tfittix ghaz-zejt fl-ibhra Maltin saru diversi. Il – Govern jista jiffranka jekk jaghmel referenza ghalihom.

    • L-użu tal-istħarriġ li sar in konnessjoni mat-tiftix għaż-żejt hu limitat għaż-żona fejn tkun ġiet studjata! Kull studju ġeoloġiku jkun ta’ għajnuna, imma finalment hi l-area fejn ser isir ix-xogħol u madwarha li tkun teħtieġ illi tkun studjata.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s