It-Tabib Godfrey Farrugia u l-ilma

Godfrey Farrugia

L-ewwel nett nagħti merħba lil Godfrey li rritorna għall-ħidma politika wara l-esperjenza kerha li għadu kif ħareġ minnha. Ngħidlu prosit għall-mod kif affronta l-kanċer tal-prostata kif ukoll għall-messaġġ pożittiv li ipprova jwassal permezz tal-esperjenza tiegħu.

Illum Godfrey fil-Parlament għamel intervent qasir fid-diskussjoni dwar l-estimi tal-Ministeru tal-Enerġija u s-Saħħa.

Tkellem dwar żewġ punti importanti.

Tkellem dwar il-ħtieġa tal-konservazzjoni tal-ilma tal-pjan u tkellem ukoll dwar ir-rimi tal-mediċini.

Nieħu pjaċir li Godfrey ħass il-ħtieġa li jemfasizza l-ħtieġa tal-konservazzjoni tal-ilma tal-pjan għax il-Ministru tal-Finanzi ma sabx il-ħin fid-diskors tal-baġit biex jagħmel dan. Is-serq tal-ilma tal-pjan bil-boreholes illegali kif ukoll il-kontaminazzjoni tiegħu, prinċipalment minn sorsi agrikoli, mhiex biss issue ambjentali. Hi ukoll materja ta’ importanza ekonomika kbira li ma nistax nifhem kif il-Ministru tal-Finanzi qiegħed jinjorha sena wara l-oħra.

Godfrey tkellem ukoll dwar il-rimi tal-mediċini. Bosta jarmu l-mediċina fis-sistema tad-drenaġġ inkella maż-żibel. Dan mhux aċċettabbli għax toħloq diffikultajiet kbar. Is-suggeriment ta’ Godfrey li l-ispizeriji fl-ibliet u l-irħula tagħna għandhom rwol importanti fil-ġbir tal-mediċini li jkunu għar-rimi m’għandux ikun skartat. Ikun utli kieku l-Wasteserve teżamina sewwa is-suġġeriment ta’ Godfrey għax naħseb li jista’ jkun implimentat mingħajr wisq diffikulta.

 

Segretezza tal-Gvern u l-paroli vojt ta’ Simon Busuttil

Delimara floating gas stirage terminal

 

Xi ftehim ser jidħol għalih il-Gvern dwar l-elettriku li ser jinxtara mingħand il-kumpanija Electrogas?

Inkunu nafu t-tweġiba meta l-Gvern jippubblika l-informazzjoni dwar il-kuntratt u preferibilment jippubblika l-kuntratt innifsu. Dejjem jekk jippubblikah.

Jiena ma nafx x’fih il-kuntratt. Imma nistenna li jkun fih informazzjoni dwar mekkaniżmu biex ikun varjat il-prezz tal-elettriku li l-Gvern ser jobbliga ruħu li jixtri. Mekkaniżmu bħal dan ikun irid jipprovdi kif l-elementi li jvarjaw fl-ispejjes biex ikun ġenerat l-elettriku jittieħdu in konsiderazzjoni u eventwament jipproduċu prezz rivedut meta dan ikun meħtieġ.

Apparti l-profitti, hemm erba’ elementi li fuqhom inevitabilment ikun ibbażat il-prezz tal-elettriku li l-pajjiż ser jixtri mingħand l-Electrogas.

L-ewwel hemm l-ispejjes tal-impjant u l-finanzjament tiegħu. Dawn l-ispejjes, huma in parti fissi imma hemm parti minn din l-ispiża li tvarja u ċjoe l-interessi li jitħallsu lil min qed jiffinanzja l-proġett. Dawn l-interessi ivarjaw tul il-perjodu tal-kuntratt.

It-tieni hemm l-ispejjes tal-maintenance tal-power station u l-faċilitajiet anċillari għaliha li b’mod ordinarju jistgħu jkunu antiċipati. Ħsara straordinarja  tkun koperta minn insurance policy għall-impjant.

It-tielet hemm  il-prezz tal-gass innifsu. Il-kalkoli huma fuq prezz partikolari, probabbilment fuq il-prezz tal-lum magħdud miegħu xi varjazzjonijiet. Dan il-prezz tal-gass ser ikun garantit għal perjodu ta’ żmien. Waqt il-kampanja elettorali kienu qalulna li l-prezz tal-gass kien ser ikun garantit għal 10 snin, liema dikjarazzjoni mill-ewwel kien ċar li kienet ħrafa. Probabbilment li l-garanzija tal-prezz tal-gass ser tkun għal tlett snin. Wara t-tlett snin għad irridu naraw x’ser jiġri.

Ir-raba’ hemm il-pagi tal-impjegati li tul il-perjodu ta’ validità tal-kuntratt ser ivarjaw. Dawn ukoll ikunu riflessi fil-prezz tal-elettriku.

Ma nistax nimmaġina li l-ftehim li ser jagħmel il-Gvern mal-Electrogas ma jaħsibx għal dawn il-varjazzjonijiet. Dan mhux biss fl-interess tal-pajjiż imma hu ukoll fl-interess tal-Electrogas.

Ovvjament sakemm il-ftehim jibqa’ mhux pubblikat, dan mhux ser inkunu nafuh. Probabbilment li l-Gvern jibqa’ ma jippubblikax il-kuntratt bl-iskuża tas-sensittività kummerċjali tiegħu.

Filwaqt li m’ hux ġustifikat li l-kuntratt jibqa’ sigriet dan iżda ma jiġġustifikax il-paroli vojt tal-Kap tal-Opposizzjoni li qal li “meta jkun fil-Gvern” ma ’ jħossux marbut bil-ftehim u jkun lest li jixtri l-elettriku permezz tal-interconnector minn Sqallija, jekk ikun jaqbel.

Ilkoll nafu li d-deċiżjonijiet ta’ kull Gvern jorbtu lill-Gvernijiet ta’ warajh, kemm jekk taqbel magħhom kif ukoll ma taqbilx. Jorbot mhux biss il-Gvern tal-lum imma ukoll il-Gvernijiet tal-futur.

Din hi it-tieni darba għal  Simon Busuttil: xi żmien ilu kien qalilna li meta jkun Prim Ministru jirtira ċ-ċittadinanza li qed tinbiegħ illum mill-Gvern ta’ Muscat. Iżda issa ilu ftit ma jfakkarna dwar dan. Donnu irrealizza li anke dakinnhar  żbalja bil-goff.

Is-segretezza tal-Gvern w il-paroli vojt tal-Kap tal-Opposizzjoni ma jagħmlu ġid lil ħadd.