Stennejt xi ħaġa aħjar minn Simon Busuttil

 

good_governance

Fid-diskors tal-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil bi tweġiba għall-baġit issemmew qraba ta’ politiċi u dan in konnessjoni ma ħatriet f’Bordijiet fis-settur pubbliku.

Dak li ser ngħid m’huwiex rifless la fuq l-integrità tal-politiku u l-anqas tal-qarib jew qariba.

Huwa ħażin, fl-opinjoni tiegħi, li argument validu favur tmexxija tajba (good governance) jiddawwar f’battibek li jipprova jagħti l-impressjoni ta’ nuqqas ta’ integrità, b’mod partikolari meta ma hemm xejn li jagħti l-iċken indikazzjoni ta’ dan.  Għalhekk naħseb li l-Kap tal-Opposizzjoni qiegħed il-kliem b’mod żbaljat u b’hekk il-kontribut tiegħu għal diskussjoni serja dwar din il-materja kien wieħed kompletament inkorrett. Stennejt xi ħaġa aħjar minn Simon Busuttil.

Din mhiex l-ewwel darba li qraba ta’ politiċi kienu taħt l-ispotlight. Hi issue li tista’ tinqala’ minn żmien għal żmien kważi taħt kull amministrazzjoni.  Il-mistoqsija ta’ dejjem hi dwar fejn għandha tinqata’ linja.

Il-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri, per eżempju, fir-regola 23 tiegħu jinsisti li safejn hu possibli l-Ministri (u allura anke s-Segretarji Parlamentari) għandhom jevitaw li jappuntaw qraba bħala membri tas-segretarjat privat tagħhom.

Safejn naf jiena dik hi l-unika limitazzjoni bil-kitba li hemm dwar ħatriet ta’ qraba ta’ politiċi f’Malta. Ma jfissirx imma li ħatriet oħra jistgħu jsiru, iżda jfisser li jekk ikunu ikkunsidrati għal xi ħatra oħra għandu jkun hemm attenzjoni kbira. Bil-fatt li l-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri kważi jeskludi l-ħatriet tal-qraba mis-segretarjat privat tal-Ministru (u tas-Segretarju Parlamentari) qed jingħata messaġġ ċar li l-politiku m’għandux jaħtar lill-qraba tiegħu bħala l-għajnejn u l-widnejn tiegħu fid-dikasteru li għalih huwa responsabbli. Ir-raġuni għal dan hi ċara: id-demm qatt ma jsir semm. Il-lealtà familjari, fil-ħajja pubblika, hi ostaklu għal tmexxija tajba.

Meta qraba ta’ politiċi li jkollhom is-setgħa eżekuttiva jinħatru f’Bordijiet fl-istess Ministeru tal-politiku qarib tagħhom, jinħoloq konflitt ta’ interess reali bejn il-lealtà familjari u l-lealtà lejn id-dover pubbliku. Tipprova kemm tipprova tegħleb dan il-kunflitt, dan dejjem ser jibqa’ hemm. Huwa kunflitt reali li jitfa’ dell bla bżonn fuq il-ħidma tal-persuna li tinħatar. Għalhekk biss, kapaċi kemm ikun jew kemm tkun, dawn il-ħatriet m’għandhomx isiru u dan fl-interess tal-amministrazzjoni pubblika korretta.

Qiegħed nillimita ruħi għal ħatriet li jkunu fl-istess qasam ta’ responsabbiltà tal-politiku għax ħatriet f’oqsma oħra, anke ta’ qraba ta’ politiċi, m’għandhomx ikunu imwarrba sempliċiment għax huma qraba. Pajjiżna hu żgħir wisq u ma jistax jeskludi wisq nies minn ħatriet ta’ din ix-xorta.

Il-qarib tal-politiku li jingħata ħatra fl-istess Ministeru tal-qarib tiegħu jew tagħha qatt ma jista’ jkun gwardjan effettiv tal-interess pubbliku. Id-demm qatt ma sar semm. U mhux ser jibda illum.