Il-baġit u l-ilma

world-water-week-graphic-2

Il- baġit jiddiskuti l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, iktar milli l-ilma innifsu. Jagħmel dan fil-paġni 37 u 38 tiegħu fi ħmistax il-linja.

L-ilma tal-pjan, ir-riżerva li tipprovdilna n-natura, l- baġit ftit li xejn jinteressah. Jgħidilna li għandna nnaqqsu d-dipendenza tagħna fuqu. Il-bqija, mill-baġit ma tirriżultax il-ħtieġa li nagħtu importanza lill-miżuri biex jiġi eliminat is-serq tal-ilma tal-pjan. M’hemm l-ebda referenza għall-eluf ta’ boreholes imħaffrin b’mod illegali f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex li permezz tagħhom dan ir-riżors naturali tal-pajjiż għadu qiegħed jinsteraq għall-gwadann privat.

L-anqas imkien ma hemm referenza għall-obbligu li Malta tosserva d-Direttiva tal-EU dwar l-Ilma [Water Framework Directive] fil-politika li tiddetermina l-prezz li bih jinbiegħ l-ilma.

Fi ftit kliem l-impatti ekonomiċi ta’ din ir-riżorsa naturali huma għal darba oħra injorati minn dan il- baġit.

Wara li smajt lill-Kap tal-Opposizzjoni jwieġeb id-diskors tal-baġit, jidher li l-anqas l-Opposizzjoni ma’ jidhrilha li l-ilma hu importanti. Wara kollox x’ilna li smajna lil Simon Busuttil jiftaħar bil-proġett li permezz tiegħu l-ilma tax-xita, fil-parti l-kbira tiegħu jispiċċa l-baħar?