Il-baġit hu wieħed nej

Scicluna + Speaker 2016

 

Il- baġit fih diversi ingridjenti tajbin. Iżda m’humiex imħalltin tajjeb. M’hemmx ħsieb biżżejjed. L-anqas m’huma msajra biżżejjed. Kif ngħidu bil-Malti: il-baġit hu nofsu nej.

F’dan l-artiklu ser nillimita ruħi għal uħud mill-proposti ta’ natura soċjali.

Nibda bil-paga minima. F’Malta din ġiet introdotta fl-1974 mit-tieni Gvern tal-Perit Mintoff.  Dakinnhar kienet stabilita għall-ammont ta’ Lm10, jiġifieri €23.29. Ovvjament Lm10, dakinnhar, kienu jiswew u bihom kont tixtri ferm iktar mill-tixtri illum. Kull sena, din il-paga minima tiżdied b’ammont li jikkumpensa għaż-żieda fil-għoli tal-ħajja. L-ammont jitħabbar fil- baġit. Iż-żieda b’effett minn l-1 ta’ Jannar li ġej ser tkun €1.75 biex b’hekk il-paga minima għal persuna ta’ il-fuq minn tmintax-il sena għal ġimgħa xogħol ta’ 40 siegħa issa ser tkun €168.01. Ma din irid jiżdied il-bonus statutorju.

Il-paga minima teħieġ li tkun reveduta. Meta tfasslet fl-1974, tfasslet għall-ħtiġijiet ta’ dakinnhar.

Illum, wara 41 sena teħtieġ titfassal mill-ġdid skont il-ħtiġijiet tal-lum. Fil-fatt studju li kien ippubblikat mill-Caritas f’Marzu 2012 kien jistma illi hu meħtieġ li jkun hemm żieda ta’ 13.8% fil-paga minima biex l-iktar persuni vulnerabbli jingħataw in-nifs.  Ir-rapport kien intitolat A Minimum Budget for a Decent Living. A research study by Caritas Malta focusing on three low-income household categories.

Il-Gvern,(kemm dak tal-lum kif ukoll dak tal-bieraħ) ma jaqbilx ma dan. L-argument politiku tagħhom hu li bit-taħriġ u l-investiment iffokat fuq il-kisba ta’ ħiliet, ikun possibli li taqla’ l-persuni fuq il-paga minima u ċċaqlaqhom ‘il-fuq fis-sellum tal-ħajja. Din hi idea nobbli imma fil-prattika, iddum ma tagħtik ir-riżultati. Sadanittant min hu vulnerabbli jispiċċa dipendenti mill-ħarsien soċjali u għajnuniet supplimentari. Jintgħaġen fid-dipendenza. Il-paga għal dawn in-nies mhiex biżżejjed għall-minimu neċessarju tal-ħajja. In-nuqqas tal-istat li jintervjeni biex il-paga minima toffri l-protezzjoni minima meħtieġa, hu messaġġ li bix-xogħol ma tistax tgħix meta dan jitħallas bil-paga minima li għandna illum.

Huwa neċessarju li nżewġu flimkien it-taħriġ, ma’ paga minima suriet in-nies li tkun rifless tal-ħtiġijiet minimi għall-bniedem tal-lum. In-nuqqas tal- baġit li jagħraf din il-ħtieġa u jagħġina bħala parti integrali mill-viżjoni tiegħu jagħmlu l-baġit wieħed nej.

Il- baġit jirrikonoxxi l-ħtieġa li togħla l-pensjoni minima nazzjonali biex din eventwalment tasal sa 60% tad-dħul medju f’pajjiżna.  Jagħmel  l-ewwel pass  billi jipproponi żieda fil-pensjoni minima għall-dawk li għandhom il-bolol tas-sigurta soċjali mħallsa b’tali mod li l-anqas pensjoni kontributorja ser tkun €7,280 fis-sena.  Dan hu pass tajjeb. Ħadd ma jistenna li l-aġġustament meħtieġ isir kollu f’daqqa. Imma l-pensjonanti tagħna li bnew  lil Malta kif inhi illum, bi dritt jippretendu li jkun stabilit żmien raġjonevoli sa meta l-pensjoni minima nazzjonali tkun 60% tad-dħul medju f’pajjiżna. Mhux biżżejjed li l-baġit  jgħid li dan it-tragward nilħquh sal-2027. Ikun xieraq li l-pensjonanti tagħna jingħataw lura d-dinjità w ir-rispett li jistħoqilhom. Anke hawn il-baġit kien jonqsu ftit ieħor biex isir. Għadu nofsu  nej.

L-aħħar eżempju li rrid insemmi huwa dwar il-persuni b’diżabilità. Il-baġit isemmi l-ħolqien ta’ hub għal persuni b’diżabilità. Il-baġit hu xott mid-dettalji u fil-fatt jiddedika biss 6 linji għal din il-proposta fil-paġna 77 tiegħu. Dawn id-dettalji imma kienu biżżejjed biex nhar il-Ħamis li għadda, l-eks-chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità Joseph Camilleri jiddeskirivi dak propost bħala attentat biex tkun introdotta s-segregazzjoni bis-serqa (Segregation by stealth. Times of Malta, October 15, 2015).

Joseph Camilleri jargumenta li għad hawn min ma jistax jaċċetta l-fatt li l-persuni b’diżabilità ukoll għandhom l-istess aspirazzjonijiet bħal kull wieħed u waħda minna. Għaddew minn istituzzjonijiet edukattivi li taw importanza ikbar lill-inklussività, u dan b’differenza kbira minn dak li rċevew il-ġenerazzjonijiet passati.

Il-proposta fil-baġit li toħloq dan il-hub għall-persuni b’diżabilità hu għaldaqstant pass retrogradu, nieqes mill-ħsieb u huwa anke perikoluż.  Is-soċjetà Maltija tant imxiet il-quddiem, li d-Dar tal-Providenza, il-pijuniera f’Malta tal-kura għall-persuni b’diżabilità, illum il-ġurnata qed tiffoka l-enerġija tagħha fuq inizjattivi bbażati fil-komunità li joffru opportunitajiet għal għixien indipendenti lill-persuni b’diżabilità.

Anke hawn il-baġit hu nej għax huwa nieqes mill-ħsieb. Post il-persuni b’diżabilità hu magħna fil-komunità u mhux ġo gaġġa bil-vireg tad-deheb. Għax is-segregazzjoni tibqa’ gaġġa u irrispettivament mill-kwalità għolja tas-servizz mogħti, tibqa’ ħajja f’gaġġa li toqtol l-aspirazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità. Qed nitkellmu dwar persuni, mhux dwar numri.

Għalhekk, u għal bosta raġunijiet oħra, l-baġit ta’ nhar it-Tnejn kien wieħed nofsu nej.

Ippubblikat fil-gazzetta Illum, il-Ħadd 18 t’Ottubru 2015

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s