It-taxxa fuq it-turiżmu

tax

It-taxxa fuq it-turiżmu f’artiklu fit-Times tal-lum, il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis isejħilha kontribuzzjoni ambjentali! Donnu jistħi juża’ l-kelma taxxa. M’hi kontribuzzjoni xejn għax ħadd m’hu ser jagħtiha voluntarjament.  L-istess bħall-eko-kontrubuzzjoni li kien introduċa George Pullicino fl-2004. It-tnejn issejħu kontribuzzjoni meta fil-fatt it-tnejn huma taxxa.

L-introduzzjoni ta’ din it-taxxa fuq it-turiżmu hu pass tajjeb.  Hi miżura li qed joħduha diversi pajjiżi biex permezz tat-turiżmu jinġabru fondi għat-titjib neċessarju biex il-prodott turistiku innifsu jkun dejjem aħjar. It-turiżmu għandu impatti mhux żgħar fuq l-ambjent. Kull turist iħalli warajh impatt ambjentali ta’ 50% iktar minn dawk li jħalli l-persuna residenti permanenti. Dan skond studju li kien sar f’Malta xi snin ilu.

Fl-2010 l-Gvern Malti ta’ dakinnhar ukoll kien ipprova jintroduċi miżura simili. Imma iffaċċjat b’resistenza mill-industrija tat-turiżmu kien bidel il-miżura f’taxxa alternattiva.

Id-dettalji ta’ din it-taxxa għadhom m’humiex ċari. Għadu mhux ċar, per eżempju, jekk din it-taxxa hiex ser tinġabar ukoll minn fuq akkomodazzjoni turistika apparti mil-lukandi. Jiġifieri minn fuq flats, farmhouses u vilel li jinkrew lit-turisti (kif ukoll lill-Maltin) li jippreferu din ix-xorta ta’ akkomodazzjoni flok kamra f’lukanda.

Id-diffikulta, ovvjament hi biex tinġabar. Hu faċli li tinġabar minn fuq il-lukandi. Mill-bqija diffiċli. L-akkomodazzjoni alternattiva hi waħda problematika għar-regolatur u għaldaqstant mhux ser tkun faċli li tinġabar, apparti minn fuq it-turiżmu li jagħmel użu mil-lukandi. Din hi problema li iffaċċjaw ukoll pajjiżi oħra, u aħna f’Malta m’aħniex eċċezzjoni.

It-taxxa proposta hi ta’ 50 ċenteżmi tal-euro kuljum, sa massimu ta’ €5. Żgħażagħ (u tfal) taħt it-18-il sena ser ikunu eżentati.

Hu stmat li matul l-2016 ser jinġabru €6 miljuni permezz ta’ din it-taxxa fuq it-turiżmu. Il-Gvern ser iżid ma dan l-ammont li ser ikun afdat f’idejn Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi bl-iskop li jkun hemm ugrading, titjib u manutenzjoni ta’ żoni pubbliċi ewlenin. Din il-Fondazzjoni, skond id-diskors tal-budget, ser tinvolvi fiha lill-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Restoranti (MHRA), imma l-Kunsilli Lokali, għal darba oħra ma jissemmew imkien.

Ir-responsabbiltajiet li ser ikunu finanzjati b’din it-taxxa fuq it-turiżmu diġa huma (bil-liġi) assenjati bħala responsabbilta tal-Kunsilli Lokali li jixtiequ jaħdmu iktar, imma m’humiex jingħataw biżżejjed flus biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom. Issa għax instabu l-flus għal darba oħra l-Kunsilli Lokali ser ikunu injorati.