Għall-MEPA, “l-iżvilupp” dejjem ġie qabel ir-residenti

MEPA_building

 

Fil-fehma tiegħi, għall-MEPA, r-residenti m’għandhom l-ebda importanza. Anzi, ħafna drabi l-attitudni hi li r-residenti qegħdin fin-nofs, joħolqu ostaklu għal dak li uħud isejħulu żvilupp.

Eżempji għandna kemm irridu. Il-power station ta’ Delimara, darbtejn. Kemm dik tal-BWSC kif ukoll tal-gass. L-iżvilupp massiċċ residenzjali ta’ Fort Cambridge, Pender Gardens, u l-Ponta ta’ Tigne (Tal-MIDI). Kollha kemm huma żvilupp insensittiv li ġie jaqa’ u jqum mir-residenti. Dan kollu hu mifrux fuq bordijiet differenti tul is-snin.

Hemm ukoll il-Port Ħieles li hu viċin wisq taż-żona residenzjali ta’ Birżebbuġa. Tant li l-istorbju tal-ħidma fit-terminal tal-Port Ħieles tinstema minn diversi partijiet ta’ Birżebbuġa. Bħalma jhezzez kull m’hemm id-dredging li jsir f’kull ħin tal-ġurnata, bla rispett lejn ħadd.

Il-bieraħ quddiem il-Bord tal-MEPA kien hemm laqgħa oħra imqanqla dwar waħda mill-applikazzjonijiet li għadhom pendenti dwar il-Port Ħieles. Kont hemm nassisti lill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa. Diversi membri tal-Bord tal-MEPA għadhom ma jistgħux jifhmu għaliex kull min hu assoċjat ma’ Birżebbuġa ma tantx għandu opinjoni tajba tal-MEPA. Ilkoll niftakru kif f’April tal-2014 il-Bord tal-MEPA b’maġġoranza kbira kien approva emenda għall-permess ambjentali tat-terminal tal-Port Ħieles biex jippermetti tiswijiet fuq oil rigs u vapuri fil-Port Ħieles . Kien biss wara li qamu r-residenti ta’ Birżebbuġa li l-Gvern ġie f’sensieh u li l-management tat-terminal tal-Port Ħieles irtira mill-posizzjoni tiegħu billi rrinunzja għall-emendi li kienu għadhom kif ġew approvati.

Dan kollu hu diffiċli li jintesa għax l-istess nies li ħadu dawn id-deċiżjonijiet għadhom hemm. L-hekk imsejjaħ żvilupp dejjem ingħata prijorità.  Għax r-residenti m’humiex meqjusa importanti.

Sadanittant il-bieraħ il-Bord tal-MEPA, wara li sema’ l-ilmenti kontra l-mod kif ftit ftit l-iżvilupp tal-Port Ħieles qed joħnoq lill-Birżebbuġa,  ma ħax deċizjoni għalissa u talab iktar informazzjoni. Din mhux l-ewwel darba li ġrat. Anke l-Bord ta’ qablu ġieli għamel hekk. Issa naraw xi jmiss!