Minħabba l-budget intilfet ftit l-attenzjoni minn fuq id-deċiżjoni dwar il-kawża li fetaħ l-Ombudsman biex ikun dikjarat jekk għandux il-jedd (jew forsi aħjar l-obbligu) li jinvestiga l-ilmenti li rċieva mingħand l-uffiċjali tal-armata.
Fi stqarrija li ħriġt nhar it-Tnejn fil-għodu f’isem Alternattiva Demokratika, hekk kif ħarġet id-deċiżjoni, apparti li lqajt b’sodisfazzjon d-deċiżjoni tal-Imħallef Wenzu Mintoff esprimejt it-tama li wara din id-decizjoni l-Gvern ma jibqax jostakola lill-Ombudsman fil-qadi ta’ dmirijietu.
Din id-deċiżjoni timmarka punt importanti ħafna fil-ħidma tal-Ombudsman fid-difiża tiegħu taċ-ċittadin Malti. B’din id-deċiżjoni ġie assigurat li anke fl-armata allegazzjonijiet ta’ abbuż ta’ poter għandhom ikunu investigati.
Naħseb li ilkoll nippreferu li ma jkunx hemm abbuż. Imma jekk l-abbuż iseħħ, din id-deċiżjoni tal-Qorti isserħilna rasna li ħadd ma hu il-fuq mil-liġi.
Dan kien pass kbir il-quddiem fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż.