Alternattiva Demokratika tħoss li filwaqt li il-baġit fih miżuri fid-direzzjoni t-tajba, dawn il-miżuri ma jmorrux lilhinn biżżejjed biex l-impatt taghhom ikun iktar deċiziv u dejjiemi. Għalhekk hu nofsu nej.
Fuq livell socjali, jibqa’ l-fatt li l-Gvern qed jibqa’ jħalli lil min għadu fuq paga minima li jiddependi mill-ġenerożita` ta’ baġit wara ieħor biex jinqala’ mir-riskju tal-faqar. Huwa ta’ għajb li wara 40 sena għadha qatt ma saret valutazzjoni tal-paga minima biex tigi aġġornata għaż-żminijiet tal-lum kif issuġġeriet il-Caritas ftit tas-snin ilu meta pproponiet li il-paga minima kien jeħiġilha tiżdied b’madwar 13% biex il-persuni vulnerabbli jkollhom lqugħ xieraq. Inħossu wkoll li l-pass li ntagħżel mill-Gvern fl-implimetazzjoni tar-rakkomandazzjoni biex il-pensjoni minima nazzjonali tkun 60% tad-dħul medju nazzjonali, ser timxi bil-mod wisq. Din il-mira għandha bżonn tkun mgħaġġla iktar sabiex iktar pensjonanti jintrefgħu mir-riskju ta’ faqar iktar malajr.
Fuq livell ambjentali, il-Gvern qed jagħti messaġġi konfliġġenti. Filwaqt li jirrikonoxxi l-problema tat-traffiku, fl-istess ħin titkellem fuq infieq infrastrutturali u iktar parkeġġ li jagħmilha iktar faċli biex it-traffiku jiżdied, mhux jonqos. Daqstant ieħor ma nistgħux naqblu mat-traħħis tal-fuel, li għaldaqstant jinċentiva flok jidiżinċentiva l-użu tal-karozzi. AD ma tistax tifhem kif b’miżuri bħal dawn il-Gvern qatt jista’ jnaqqas l-ammont ta’ 40 karozza ġdida kuljum fit-toroq tagħna. AD tħoss li il-Gvern kellu jħalli l-prezz tal-fuel kif kien sabiex dak li jdaħħal minn din il-miżura jużah għal titjib bżonnjuż fis-servizz tat-trasport pubbliku u s-sostenn ta’ forom alternattivi ta’ trasport.
Mhux biżżejjed li jingħataw inċentivi fiskali zgħar għar-roti u roti elettriċi mingħajr ma jsir investiment sostanzjali fuq infrastruttura serja. Hija daħka fil-wiċċ li l-Gvern jalloka 30,000 euro lill- Kunsilli Lokali għal dan il-għan li jammonta għal miżerja ta’ 450 euro għal kull wieħed mis-67 Kunsill Lokali.
Hemm bżonn li l-Gvern jiftakar li filwaqt li huwa pożittiv li l-GDP ta’ pajjizna huwa proġettat li jiżdied bi 3.6%, is-sitwazzjoni drammatika tat-traffiku qed tispiċċa tiekol madwar tlieta fil-mija minnu.
Il-miżuri biex jiġu riġenerati ċ-ċentri urbani permezz ta’ inċentivi li jiffaċilitaw id-dħul fis-suq ta’ propjetajiet vakanti minħabba tilwim dwar eredità` huwa pożittiv. Iżda nħossu li seta’ sar iktar billi jiġu ndirizzati kategoriji oħra bħal ngħidu aħna propjetajiet li n-numru ta’ eredi tagħhom huwa kbir u li jkun kważi impossibbli li jkun hemm qbil bejniethom jekk ma jkunx hemm inċentivi fiskali.
L-introduzzjoni tat-taxxa fuq it-turiżmu hija pożittiva. Fl-istess waqt, m’għandhomx ikunu l-MHRA biss li jikkomponu l-Fondazzjoni li tamministra l-fondi. Hemm bżonn li jkunu involuti prinċipalment il-komunitajiet permezz tal-Kunsilli Lokali.
Huwa skandaluż kif il-baġit ma jsemmi xejn fuq is-sostenibbilta` fl-użu tal-ilma u s-serq tal-ilma tal-pjan permezz ta’ boreholes illegali. Nuqqas ta’ politika ċara u skjetta fuq l-ilma hija ta’ theddida għall-futur sostenibbli ta’ pajjiżna u għandha effetti ekonomiċi kbar.
Fuq il-prekarjat, il-Gvern m’għamel xejn iktar ħlief li ndirizza l-pjaga li inħolqot mill-Gvern stess permezz tas-sistema tat-tendering. Iz-zero hour contract li wkoll huwa s-sors tal-prekarjat baqa’ ma ġiex indirizzat.
B’sodisfazzjon ninnutaw li l-qagħad naqas anke permezz ta’ programmi bħall-Youth Guarantee. Filwaqt li huwa tajjeb li child care centres ser jiżdiedu, nħeġġu lill-gvern biex jinvesti ukoll fil-kwalita` tas-servizz mhux biss il-kwantita`.
Kollox ma kollox, filwaqt li il-bagit fih miżuri pożittivi, jidher ċar li l-Gvern mhux qed jisfrutta it-tkabbir ekonomiku li jiftaħar bih biex jagħlef viżjoni iktar ambizzjuża.