Is-sejħa għal espressjoni ta’ interess għaċ-ċirkwit tal-karozzi qanqlet diskussjoni fil-pajjiż. Id-diskussjoni iffukat fuq it-tlielaq u kif il-proposta ser tuża 800,000 metru kwadru. Dan il-qies qed jissemma issa, għax qabel l-elezzjoni tal-2013 kien jissemma qies iżgħar, madwar in-nofs.
Id-diskussjoni żviluppat dwar l-ammont konsiderevoli ta’ art li tista’ tuża din il-proposta kif ukoll li proġett bħal dan inevitabilment isir barra miż-żona tal-iżvilupp. L-impatt tal-istorbju kemm fuq in-nies kif ukoll fuq in-natura ikunu sinifikanti.
Apparti l-faċilitajiet marbuta maċ-ċirkwit tat-tlielaq, iżda, irrid ngħid li hemm parti mill-proġett li hi pożittiva u din hi dwar il-ħtieġa ta’ faċilità professjonali f’Malta dwar it-tagħlim tas-sewqan. Il-proposta li qed issir tinkludi kollox flimkien u allura m’huwiex ċar x’art tkun meħtieġa kieku kellha issir biss il-faċilità għat-tagħlim tas-sewqan. Imma nifhem li din il-faċilità għat-tagħlim, waħedha, probabbilment tkun tirrikjedi ferm inqas art.
Il-problema tal-għażla ta’ sit xorta tibqa’ imma tkun problema iżgħar u allura iktar hemm ċans li tinstab soluzzjoni. Anke l-problema tal-istorbju tibqa’ magħna imma tkun f’kuntest differenti.
Iż-żewġ elementi tal-proposta jwasslu għall-konsiderazzjonijiet differenti. Dan minħabba li korsa għat-tagħlim tas-sewqan hi ġustifikabbli fil-waqt li l-korsa għat-tlielaq, in vista taċ-ċokon tal-pajjiz u tal-impatti ambjentali, m’hiex ġustifikabbli. Il-lobby tad-dilettanti tal-karozzi għaldaqstant poġġew iż-żewġ proposti flimkien biex jippruvaw, permezz ta’ simpatija għall-proposta tat-tagħlim tas-sewqan, iżellqu ukoll il-proposta għat-tlielaq tal-karozzi.
Nagħmlu tajjeb jekk nifirdu l-proposti għax il-facilitajiet għat-tagħlim tas-sewqan m’għandhomx jispiċċaw jintużaw biex jiġġustifikaw il-korsa tat-tlielaq tal-karozzi. Tibqa’ dejjem l-uġiegħ ta’ ras tal-impatti ambjentali li jkunu jiddependu kemm mid-daqs tal-art meħtieġa kif ukoll minn fejn din l-art tkun. Imma jekk il-proposta tkun limitat għat-tagħlim tas-sewqan iktar hemm cans li tinstab soluzzjoni.