L-ODZ u l-politika b’żewġt uċuħ ta’ Simon Busuttil

David Agius + Simon Busuttil

Il-politika onesta ta’ Simon Busuttil u l-PN tidher ħafna fil-mod kif jitkellem u jaġixxi l-Partit Nazzjonalista dwar l-ODZ (jiġifieri ż-żona barra mill-linja tal-iżvilupp).

Għamilna ġimgħat b’Simon Busuttil jgħidlna kemm hi għal qalbu l-ODZ. Qalilna kemm hu neċessarju li nħarsu l-ODZ u għaldaqstant bid-dmugħ tal-kukkudrilli huwa ukoll oppona l-proġett taż-Żonqor għall-Università Amerikana. Bosta esponenti tal-Partit Nazzjonalista attendew għad-dimostrazzjoni fil-Belt bi protesta kontra l-proposta tal-Gvern li sa dakinnhar kienet dwar 9 ettari ta’ art (jiġifieri 90,000 metru kwadru) ODZ.

Il-Partit Nazzjonalista organizza ukoll attività politika ġewwa ż-Żonqor fejn ipprova jimmanipula d-dikjarazzjonijiet ambjentali tal-Membru Parlamentari Laburista Marlene Farrugia.

Imma l-ġimgħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista wera l-wiċċ l-ieħor tiegħu: il-wiċċ veru moħbi taħt il-maskri tal-ipokrezija politika.

Wara li pprotesta favur l-ambjent, issa kien imiss li l-PN jagħti appoġġ lill-proġett ta’ natura kompletament differenti. Għaldaqstant il-PN bagħat lil Onorevoli David Agius kelliemi tiegħu għall-Isports biex dan jirrappreżenta lill-Opposizzjoni fl-okkazjoni tal-bidu tal-proċess tal-espressjoni ta’ interess għal ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi. Proposta li tista’ tibla 80 ettaru ta’ art, jiġifieri 800,000 metru kwadru ta’ art fl-ODZ.

L-appoġġ tal-PN għaċ-ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi hu ankrat fil-programm elettorali tal-PN għall-elezzjoni ġenerali tal-2013. Programm li nafu li kellu sehem mhux żgħir Simon Busuttil, fit-tfassil w il-kitba tiegħu, u dan meta kien għadu Viċi ta’ Lawrence Gonzi.

Din hi l-politika onesta ta’ Simon Busuttil? Jgħid le għall-iżvilupp ta’ 90,000 metru kwadru ODZ imma jagħlaq għajnejh għal proposta li tista’ twassal biex 800,000 metru kwadru ta’ art ODZ jinbelgħu miċ-ċirkwit tat-tlielaq tal-karozzi.

Din hi l-politika ġdida tal-PN : politika ta’ żewġt uċuħ.