Kultant meta tisma’ lil Simon Busuttil jitkellem taħseb li qed jipprova jgħaddik biż-żmien. Għax jipprova jmeri is-sewwa magħruf, f’wiċċek. Hekk għidt meta smajtu jgħid li mhux korett li jingħad li l-problema tat-traffiku ġejja mill-passat.
Jew hekk inkella huwa stupidu, u stupidu ovvjament mhux.
Jekk irid ikun onest, kif tant jiftaħar u jinsisti, għandu l-ewwel u qabel kollox jibda jitkellem b’mod onest.
Il-problema tat-traffiku waslet fl-istat attwali tagħha fuq tul ta’ żmien. Riżultat ta’ nuqqas ta’ deċiżjonijiet kif ukoll riżultat ta’ deċiżjonijiet ħżiena.
Il-kollass kważi totali tat-trasport pubbliku tul is-snin kien kontribut ewlieni għal dan għax minħabba dan il-kollass qatt ma kellna alternattiva ta’ mobilita sostenibbli f’dan il-pajjiż. Ċertament li t-trasport pubbliku ma ikkollassax f’dawn is-sentejn u nofs. Il-froġa tal-Arriva l-anqas ma saret f’dawn is-sentejn u nofs.
Intqalu ħafna affarijiet fid-dibattitu dwar it-traffiku fil-Parlament il-bierah. Uħud jagħmlu sens u oħrajn li ma jagħmlux.
Il-Gvern irid itejjeb l-infrastruttura. Imma ma jirrealizzax li b’titjib fl-infrastruttura, filwaqt li tonqos xi ftit il-konġestjoni m’hu ser isolvi xejn fuq tul ta’ żmien. Għax ghall-ewwel il-konġestjoni tonqos imma wara ftit il-karozzi jiżdiedu u nerġgħu niġu fejn konna.
L-Opposizzjoni trid traħħas il-prezz tal-fuel, bil-konsegwenza ovvja li tinkoraġixxi iktar l-użu tal-karozzi bi fuel irħis. Miżura li ma tagħti l-ebda kontribut għat-tnaqqis tal-kongestjoni tat-traffiku. Anzi tagħmlu agħar mill-ewwel.
Issemma kollox fid-dibattitu, ħlief l-iktar punt importanti, u ċjoe l-ħtieġa li jonqsu b’mod permanenti l-karozzi mit-toroq. Għandna ħafna karozzi żejda fit-toroq. Żejda, għax it-toroq tagħna ma jifilħux daqshekk karozzi.
Ma nagħtux tort lin-nies li tuża l-karozzi privati. It-tort nagħtuh lil min ma ħallilhomx triq oħra għax ħalla t-trasport pubbliku jitkisser.
Trasport pubbliku effiċjenti hu ċ-ċavetta li tista’ ssolvi l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku. Imma dan mhux ser iseħħ mil-lum għal għada. Hi triq iebsa riżultat tal-inkompetenzi tal-politiċi tal-bieraħ. Verità li Simon b’diżonesta politika jiċħad.