Eħe, fejn kont meta 450 sena ilu l-Gran Mastru La Valette ħolom li jibni l-Belt fuq l-għolja Xiber-ras?
Jiena ma kontx hawn. Kieku kont, probabbilment bħal bosta oħrajn, kien imissni l-istess xorti ta’ dawk li kienu meqjusa li jipprotestaw wisq! La Valette ma kienx jittollera l-kritika!
Nagħmlu żball oħxon nippruvaw niġġudikaw illum deċiżjonijiet li ittieħdu l-bieraħ imma imbagħad nagħmlu dan bil-kriterji tal-lum. Kieku kellha issir il-proposta biex tinbena illum, hemm ċans tajjeb li l-Belt Valletta ma kienitx tinbena. Imma fiż-żmien li nbniet kien jagħmel sens għad-difiża tal-pajjiż. La Valette qabad u iddeċieda. La għamel EIA u l-anqas talab permess ta’ ħadd!
L-istess nistgħu ngħidu, per eżempju għall-Port Ħieles. Kieku l-idea kellha tfaqqas illum bla dubju li l-Port Ħieles kien jinbena differenti, ħafna iktar il-bogħod mir-residenzi ta’ Birżebbuġa. Imma meta l-Gvern fl-1962 beda jesproprija l-art biex eventwalment inbena l-Port Ħieles, il-ħsieb kien differenti. Anke l-ideat ta’ ħarsien ambjentali dakinnhar kienu għadhom ftit primittivi, jekk kienu jeżistu.
Aħna qegħdin hawn illum u kull wieħed minna għandu l-obbligu li jiftaħ ħalqu illum.
Tul is-snin li għaddew ikkritikajna d-deċiżjonijiet żbaljati li għamlu ħsara ambjentali kbira. Waħda wara l-oħra.
Bħalissa fuq l-aġenda hemm iċ-ċirkwit propost għat-tlielaq tal-karozzi.
Diġa ktibt dwar dan is-suġġett diversi drabi wara li giet ippubblikata t-talba għal espressjoni ta’ interess dwar iċ-ċirkwit. Issa nistennew il-proposti li jridu jkunu sottomessi sal-20 ta’ Jannar 2016.
Mhux nistenna proposta li jkollna l-karozzi jtellqu fit-toroq ewlenin tal-pajjiż bħalma jiġri f’Monaco! L-indikazzjonijiet dejjem kienu dwar artijiet sostanzjali fl-inħawi ta’ Ħal-Far li fuqhom ikun propost li jiġi żviluppat iċ-ċirkwit. L-istorbju, qed jintqal, “mhux problema” għax diġa hemm storbju mhux żgħir f’kull ħin tal-ġurnata mill-ajruplani neżlin lejn, jew tiela’ mill-ajruport ta’ Ħal-Luqa. Storbju li “ndara” mir-residenti fl-inħawi tul is-snin. Ftit iżda jintqal li anke jekk l-istorbju jindara xorta jagħmel il-ħsara lis-saħħa tan-nies.
Diġa fil-preżent ikun hemm numru ta’ karozzi fl-inħawi fejn min isuqhom ikun qed jipprattika d-delizzju tiegħu billi jtellaq. Xejn ma hi esperjenza pjaċevoli għar-residenti fl-inħawi li issa jridu jiddeċiedu jekk jibqgħux jissaportu inkella jekk iridux isemmgħu leħinhom.
Nistennew u naraw.