L-inċident tal-bieraħ f’”Paqpaqli għall-iStrina” hu wieħed serju ħafna.
Il-bieraħ stess Alternattiva Demokratika esprimiet is-solidarjetà mal-vittmi kollha ta’ din il-ġrajja traġika. Kienu hemmhekk biex jieħdu pjaċir u fl-istess ħin jagħtu kontribut b’risq attività ta’ solidarjetà b’risq il-Community Chest Fund.
Nawgura li l-ġenerożità tagħhom tiġi ppremjata billi joħorġu minn din il-ġrajja drammatika mingħajr konsegwenzi serji għall-bqija ta’ ħajjithom.
Hu floku ukoll li nosservaw li s-servizz tal-emerġenza fl-Isptar Mater Dei kien effettiv. Ta’ dan ħaqqu l-prosit kull min kellu sehem.
Imma tibqa’ mistoqsija iebsa li nittama li tiġi mwieġba mill-inkjesti li bdew jew li għad iridu jsiru. Meta ser nibdew nagħtu każ tal-ħarisen tas-sigurtà (safety) bis-serjetà f’dan il-pajjiż?