Ħolm ikrah u d-dilemma tal-Partit Nazzjonalista

David AgiusChris Agius

 

Is-sejħa għal espressjoni ta’ interess biex jinbena u jitħaddem ċirkwit għat-tlielaq tal-karozzi li ħareġ iktar kmieni din il-ġimgħa mill-Gvern hu attakk ieħor fuq l-art barra miż-żona ta’ żvilupp (ODZ).

L-iżvilupp li qed jikkonsidra l-Gvern hu stmat li jista’ jirrikjedi sa madwar 800,000 metru kwadru ta’ art (80 ettaru) u ma jista’ jsir imkien jekk mhux f’ODZ – jiġifieri barra ż-żona ta’ l-iżvilupp.

Malta u Għawdex huma żgħar wisq u l-ftit art li baqalna mhux mibnija barra miż-żona ta’ żvilupp għandna bżonn li nipproteġuha aħjar. Il-Gvern, sfortunatament qed jagħmel minn kollox biex jinkorġġixxi kemm jiflaħ żvilupp fuq art ODZ.

Hi ta’ ħasra li f’dan il-każ il-PN għoġbu jagħti appoġġ lill-Gvern, liema appoġġ intwera pubblikament permezz tal-parteċipazzjoni tal-kelliemi tal-PN għall-Isports David Agius f’konferenza stampa flimkien mas-Segretarju Parlamentari Chris Agius.

Apparti t-tniġġiż tal-arja kkawżat mhux biss mit-tlielaq imma wkoll mis-sessjonijiet ta’ taħriġ fiċ-ċirkwit propost, hemm ukoll il-ħsejjes esaġerati minn karozzi misjuqa b’veloċità kbira li se jkunu ta’ inkonvenjent kbir għal dawk li jkollhom l-isfortuna li jkunu ġirien taċ-ċirkwit.

Nittama li din tkun ħolma oħra kerha, li tgħaddi, mal-bosta li l-Partit Laburista fil-Gvern qed joħloq fil-qasam ambjentali.

Sadanittant il-Partit Nazzjonalista qiegħed f’dilemma. Jeħtieġlu jispjega kif, meta jfettillu jikkritika l-iżvilupp fl-ODZ fiż-Żonqor u issa jappoġġa proposti ta’ żvilupp fl-ODZ, bħalma qiegħed jagħmel bl-appoġġ li qiegħed jagħti f’ismu l-Membru Parlamentari David Agius għaċ-ċirkwit tal-karozzi tat-tlielaq.

Il-kontradizzjonijiet tal-PN jiżviluppaw quddiem għajnejk!