Huwa tajjeb li Joseph Muscat il-bieraħ fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda tkellem dwar l-immigrazzjoni. Dwar il-ħtieġa tal-involviment ta’ kulħadd, għax wara kollox, din hi problema globali.
L-emfasi tiegħu fuq il-ħtieġa li jkun indirizzat dak li qed jikkawża l-immigrazzjoni kienet ukoll emfasi flokha. Mhux biss iċ–ċaqlieq minħabba l-gwerer, imma issa ukoll minħabba t-tibdil fil-klima. Mhux biss is-Sirja, imam anke s-Sudan, is-Somalja, l-Etijopja u l-Eritreja. Għax kulħadd għandu ħabta jinsa ukoll.
Huwa tajjeb li dan nibqgħu insemmuh, għax dan huwa kompletament differenti mill-politika tal- pushbacks li kienet il-politika ta’ Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu sa sentejn ilu. Imma jidher li fetaħ għajnejh sewwa. Dan għandu jkun rikonoxxut kontinwament għax il-kambjament hu kbir ħafna. Ferm aħjar milli jistqarr dubji dwar jekk il-pajjiż għandux iħares l-obbligi internazzjonali tiegħu.
Mill-kummenti li nisimgħu hu ċar li dan mhux kulħadd jifhmu jew jaqbel miegħu. Għax biex timplimenta politika rejali ta’ solidarjetà mhuwiex faċli. Dejjem, ovvjament, jekk tkun temmen f’dak li tkun qed tagħmel.