€miljun għal Birżebbuġa

marco polo

Id-Direttorat tal-Ippjanar tal-MEPA għadu kif ikkonkluda r-rapport dwar l-applikazzjoni tal-management tal-Port Ħieles biex jinġiebu krejnijiet ġodda. Dawn il-krejnijiet fil-fatt waslu l-bieraħ.

Dan ir-rapport jikkonferma li l-MEPA, wara li rċiviet diversi oġġezzjonijiet, kemm mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa kif ukoll mir-residenti, insistiet li jinbidlu l-pjanti u jitneħħew il-krejniet mill-parti tal-Port Ħieles li hi l-iktar viċin taż-żona residenzjali. Dan hu pass il-quddiem. Għax ir-residenti huma bir-raġun mxebbgħin bl-impatti tal-Port Ħieles fuq il-ħajja tagħhom, anke jekk tul dawn l-aħħar ħames snin ittieħdu passi biex dan ikun indirizzat.

Id-Direttorat tal-Ippanar qed jirrakkomanda ukoll li minħabba l-impatti tal-Port Ħieles fuq Birżebbuġa, jsir ħlas mill-Port Ħieles ta’ €955,000 biex jintużaw fuq xogħolijiet f’Birżebbuġa. Eżatt liema ser ikunu dawn ix-xogħolijiet għadu mhux ċar imma dawn affarijiet li jiġu ċċarati matul il-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin bejn il-MEPA u l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.

Fil-waqt li din hi aħbar tajba għal Birżebbuġa tajjeb li niftakru li sitt snin ilu, fl-2009, il-MEPA kienet ukoll ħadet deċiżjoni simili. L-ammont dakinnhar kien ta’ €741,820. Imma dakinnhar il-Port Ħieles kien appella minn dik id-deċiżjoni u l-Kabinett ta’ Lawrence Gonzi kien żamm mal-Port Ħieles u lill-Birżebbuġa ċaħħada minn dawn il-flus u Birżebbuġa tħalliet tittewweb .

Wara l-esperjenza qarsa ta’ sitt snin ilu nistennew u naraw kif ser jiżviluppaw l-affarijiet.

Mario de Marco u l-proposti ta’ Alternattiva Demokratika

AD 2013 electoral manifesto     Mario de Marco

Fil-Parlament nhar l-Erbgħa, Mario Demarco qal li forsi jkun għaqli li qabel ma jsiru ħatriet sensittivi (mill-Gvern) jkun hemm konsultazzjoni mal-Parlament.

Din hi proposta li Alternattiva Demokratika diġa għamlet fl-aħħar Manifest Elettorali tagħha meta ipproponiet li diversi ħatriet isiru bil-kunsens tal-Parlament.

Fil-fatt fil-manifest elettorali ta’ AD għall-elezzjoni ġenerali tal-2013, insibu tlett proposti f’dan is-sens.

Fil-Kapitlu 6 tal-Manifest li jitkellem dwar riformi kostituzzjonali u demokratiċi hemm il-proposta ġenerali li l-Bordijiet u l-Kummissjonijiet ta’ importanza nazzjonali għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika bħala l-Kap tal-Istat u dan mingħajr l-involviment dirett tal-Prim Ministru. Il-President għandu jikkonsulta mhux biss mal-politiċi imma ukoll mas-soċjetà ċivili qabel ma jagħmel/tagħmel il-ħatriet.

Fl-istess Kapitlu tal-Manifest Elettorali, Alternattiva Demokratika titkellem ukoll dwar il-ħatra tal-ġudikatura: “L-imħallfin u l-maġistrati m’għandhomx jibqgħu jinħatru mill-Gvern iżda mill-President tar-Repubblika u soġġetti għal konferma mill-Parlament. Dan jiżgura sistema ta’ checks and balances bejn is-setgħa eżekuttiva (eżerċitata f’dan il-każ mill-President tar-Repubblika) u l-leġiżlatura.”

L-iktar proposta dettaljat qegħda fil-Kapitlu ambjentali, l-Kapitlu 14, fejn dan jitkellem dwar il-ħatriet fil-MEPA u jgħid hekk :

“Il-ħidma tkun effettiva daqs kemm ikunu kompetenti u affidabbli dawk li jinħatru biex imexxu. Alternattiva Demokratika għaldaqstant tipproponi illi filwaqt li l-Gvern tal-ġurnata jibqa’ jżomm s-setgħa li jaħtar il-membri ta’ din l-Awtorità kkonsolidata, dan m’għandux jagħmlu sakemm il-Parlament permezz ta’ Kumitat Magħżul ma jagħtihx il-kunsens tiegħu għall-ħatriet proposti. Il-Parliament ikun jista’ jikkunsidra li jagħti l-kunsens tiegħu wara li l-Kumitat Magħżul tiegħu ikun organizza sessjoni pubblika (public hearing) li fiha jgħarbel lil kull persuna proposta. Kull persuna proposta għandha tkun eżaminata fil-pubbliku dwar l-esperjenza u l-kwalifiċi tagħha konnessi mal-ħatra proposta.

Fejn tidħol rappreżentanza mis-socjetà ċivili, in-nominazzjonijiet għandhom isiru direttament mill-korpi effetwati. Għandu jkun hemm inqas uffiċjali pubbliċi bħala membri tal-bord, u rappreżentanza ikbar tas-soċjetà ċivili fl-awtorità kkonsolidata.

B’hekk huwa ittamat li jiżdiedu n-nomini ta’ persuni kompetenti kif ukoll li jonqsu l-ħatriet ta’ persuni li l-iprem kwalifika tagħhom hi l-lealtà politika. B’hekk ukoll il-Parlament ikun qed jieħu lura mingħand il-Gvern rwol importanti biex jassigura li l-ħarsien tal-ambjent jittieħed b’iktar serjetà.

Dan jgħodd għaċ-Chairman u l-membri tal-Bord li jmexxu l-Awtorità kif ukoll l-uffiċjali ewlenija fit-tmexxija tal-Awtorità li jinkludu iċ-Chief Executive Officer, id-Diretturi kif ukoll il-membri tal-Kummissjonijiet jew Tribunali tal-Appell li jiddeċiedu dwar talba għal permessi kemm ta’ żvilupp kif ukoll dwar riżorsi u permessi ambjentali oħra.”

Mario de Marco tkellem ukoll dwar jekk Membru Parlamentari għandux ikun full-time jew le. Huwa ma jaqbilx għax jidhirlu li Membru Parlamentari li għadu jaħdem/jipprattika l-professjoni ikun iktar f’kuntatt man-nies.

Hawnhekk ma naqblux: għax il-kuntatt prinċipali tal-Membru Parlamentari part-time mhux man-nies in ġenerali jkun, iżda mal-klijenti tiegħu li jiddedikalhom il-ħin u l-enerġija tiegħu. Huwa importanti li l-Membru tal-Parlament jiddistakka ruħu mill-klijenti tiegħu, għax issa l-pajjiz kollu huwa l-klijent tiegħu. Il-pajjiz jeżiġi servizz full-time mill-Membru Parlamentari. Sfortunatament dan is-servizz mhux jieħdu.

 

 

 

Niskata melħ għal Joseph Muscat

pinch of salt

Id-Diviżjoni tal-Propjeta tal-Gvern (Government Property Division) qegħda taħt il-lenti tal-Awditur Ġenerali. Qiegħed jinvestiga x-xiri da parti tal-Gvern ta’ parti minn propjetà fil-Belt Valletta u l-mod kif minflok ħallas bi flus in parti ħallas bi propjetà oħra. Hemm diffikultà dwar il-valuri kemm tal-propjetà li nxtrat kif ukoll tal-propjetà li ngħatat bi tpartit.

Il-Gvern għamel sewwa li ordna inkjesta interna mill-Internal Audit and Investigations Department dwar il-każ.  Ir-rapport ta’ din l-inkjesta ilu xi ġimgħat lest u l-Prim Ministru ħabbar xi żmien ilu li fil-fehma tiegħu m’huwiex għaqli li jippubblika dak ir-rapport f’dan l-istadju u dan biex ma jippreġudikax l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali.

Ir-raġunament tal-Prim Ministru huwa korrettissimu. L-Awditur Ġenerali għandu jitħalla fil-libertà kollha fl-investigazzjoni tiegħu u għandu jkun hu li jippubblika l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni wara li jara dak kollu ta’ relevanza.

Waqt li qed nistennew il-konklużjonijiet  tal-Awditur Ġenerali  hemm parti mill-media li qed tikkumenta dwar punti li jidhru li huma konsiderazzjonijiet magħżula b’mod selettiv mir-rapport tal-inkjesta li ġiet konkluża mill-Internal Audit and Investigations Department u li suppost għadu kunfidenzjali skond id-deċiżjoni tal-Prim Ministru.

Hi ħasra li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li ma jippubblikax ir-rapport tal-Internal Audit and Investigations Department ma ġietx osservata minn dawk fil-Berġa ta’ Kastilja li kellhom f’idejhom ir-rapport tal-inkjesta interna.

Għandna sitwazzjoni fejn il-Prim Ministru jiddikjara solennement mod u dawk ta’ madwaru jagħmlu mod ieħor. Hemm min jgħid li ħafna drabi d-dikjarazzjonijiet solenni tal-Prim Ministru Joseph Muscat trid teħodhom b’niskata melħ, għax ġeneralment ifissru bil-maqlub ta’ dak li jgħid.

Ovvjament politika ġdida din.

Transport Malta w t-tappini ta’ Triq il-Kosta

road studs Coast Roadkarozza fis-cycle lane

Fi Triq il-Kosta, Transport Malta waħħlet numru ta’ tappini bojod fil-passaġġ riżervat għar-roti (cycle lane). Dawn it-tappini (road studs) huma mwaħħla b’mod li jnaqqsu l-wisa’ effettiv tal-passaġġ riżervat għar-roti.

Dawn it-tappini twaħħlu mingħajr ma kien hemm l-ebda konsultazzjoni bejn Transport Malta u l-għaqdiet taċ-ċiklisti. Dan in-nuqqas ta’ konsultazzjoni ser iwassal għal periklu għaċ-ċiklisti.

Triq il-Kosta minn dejjem kienet waħda mit-toroq ewlenin għal min jipprattika ċ-ċikliżmu. It-tqegħid ta’ dawn it-tappini fuq in-naħa ta’ ġewwa tal-passaġġ riżervat għar-roti qed joħloq periklu kbir għaċ-ċiklisti, anki għaliex ċekknu l-wisa’ tal-istess passaġġ.  Allura, meta jkun hemm xi ostaklu fil-passaġġ, iċ-ċiklisti mhux biss ikollhom isuqu fuq it-tappini biex jevitaw dan l-ostaklu iżda wkoll ikun iktar diffiċli u perikoluż għalihom li jaqbżu xi karozza li tkun wieqfa abbużivament fuq il-passaġġ riżervat ghar-roti.

Kif qalet Dr Claire Azzopardi-Lane, kelliema ta’ Alternattiva Demokratika għall-Isports, kieku Transport Malta riedet tħares liċ-ċiklisti, dawn it-tappini kienu jitpoġġew barra mil-linja li timmarka l-passaġġ rizervat għaċ-ċiklisti. B’hekk kienet tkun enfasizzata l-linja li s-sewwieqa tal-karozzi għandhom joqgħodu attenti li josservaw u allura jżommu d-distanza mill-passaġġ rizervat għaċ-ċiklisti.

Imma Transport Malta waħħlet it-tappini b’mod differenti bil-konsegwenza li flok ma tħares liċ-ċiklisti, qed tpoġġihom fil-periklu.

Il-maħfra ta’ Norman u l-kontabilità

norman_vella

 

Norman Vella qalilna li f’egħluq is-sentejn minn meta ġie investigat fuq teħid ta’ ritratti fil-parti ristretta tal-ajruport, imtella’ l-Qorti u liberat huwa qed jaħfer lil min ipprova jagħmel vendikazzjoni miegħu.

Norman jgħid li r-ritratti ma ittieħdux, u fil-fatt ħadd, s’issa, wara sentejn, għadu ma ipproduċa dawn l-imberkin ritratti u dan għax ma jeżistux.

Il-kaz ta’ Norman kien (u għadu) inkwetanti għax juri kif kultant il-Pulizija jtellgħuk il-Qorti biex jippruvaw ibeżżgħuk, u dan b’mod partikolari jekk ikunu irċevew telefonata mingħand xi ħadd imlaħħaq fid-dell tal-poter.

Fil-waqt li ħadd għadu ma skuża ruħu,  l-anqas (safejn naf jiena) ma jidher li ċċaqlaq il-Bord tal-Pulizija immexxi minn Imħallef irtirat li xogħolu hu propjament li jissorvelja l-imġieba tal-Korp tal-Pulizija. Il-membri tal-Bord jafu x’inhu jiġri, għax f’Malta qed jgħixu: kellhom jieħdu l-inizzjattiva huma biex jinvestigaw jekk u għaliex il-Pulizija f’dan il-każ intużawx bħala strument ta’ vendikazzjoni. Imma forsi l-membri kienu mħabbta wisq ……………… u għejjew ħafna għaldaqstant , tant li raqdu ftit.

Il-maħfra ta’ Norman m’għandiex tfisser li qed jaċċetta r-raqda ta’ min xogħolu hu li jissorvelja. Għax l-irqad f’posizzjonijiet sensittivi hu ta’ ħsara kbira għall-kultura ta’ kontabilità li, ngħiduha kif inhi, għadha ftit storduta.

 

Nisseparaw l-iskart organiku

apple

 

L-iskart li narmu hu fil-parti l-kbira tiegħu utli. Għalhekk aħna dejjem imħeġġa biex nirriċiklaw dak li s-soltu narmu. Dak li nirriċiklaw jibqa’ jdur fl-ekonomija u ma jinħeliex. Għalhekk nirriċiklaw u nerġgħu nużaw il-karta, l-ħġieġ, il-metalli u l-plastic. Kollha għad għandhom użu, anke meta għalina ma jkunx għadhom utli.

Nhar il-Ġimgħa 30 t’Ottubru, l-WasteServe, flimkien mal-ħames kunsilli lokali tal-Mdina, Ħal-Għaxaq, Ta’ Xbiex, Bormla u Birkirkara ser jagħtu bidu għall-ġbir separat tal-iskart organiku. Dan ser ikun proġett pilota fuq numru ta’ ġimgħat li permezz tiegħu l-iskart organiku ser jinġabar f’dawn il-lokalitajiet darbtejn fil-ġimgħa (it-Tnejn w il-Ġimgħa). Wara, l-ġbir tal-iskart organiku jibda jsir fil-lokalitajiet kollha.

Il-parti organika tal-iskart li narmu jammonta għal ftit iktar min-nofs tal-iskart li llum inqegħdu fil-borża s-sewda. Din tidher li hi l-iktar stima korretta u tirriżulta minn stħarriġ li għamel l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-2012. Studju addizzjonali li sar f’Settembru li għadda mill-WasteServe fil-lokalitajiet li ser jipparteċipaw fil-proġett pilota jindika li l-ammont ta’ skart organiku li niġġeneraw fil-lokalitajiet tagħna jvarja anke skond il-lokalità. Dan jista’ jkun rifless ta’ stil ta’ ħajja u/jew livell ta’ għixien (ftit) differenti fil-lokalitajiet tagħna, liema differenza tinkixef anke minn eżami tal-iskart li niġġeneraw.

Sar eżerċizzju ta’ informazzjoni bieb bieb li bih r-residenti fil-ħames lokalitajiet diġa ġew infurmati x’għandhom jagħmlu. Ingħatawlhom boroż bojod u kontenituri bojod tal-plastic li minnhom tgħaddi l-arja biex iqegħdu l-boroz fihom u l-iskart ma jrejjaħx.

L-iskart organiku huwa prinċipalment fdal tal-ikel kif ukoll skart tal-ġonna. Jista’ jinkludi ukoll karti u kartun.

Meta l-iskart organiku jinġabar minn wara l-bieb tagħna, dan jittieħed fl-impjant ta’ Sant Antnin f’Wied il-Għajn fejn issir verifika li fil-borza hemm biss dak li suppost. Wara, l-iskart organiku jitqiegħed f’apparat imsejjaħ waste digester  fejn jiddikomponi u jipproduċi il-gass metanu (methane) li l-ewwel jinġabar u eventwalment jinħaraq biex jipproduċi l-elettriku.

Mill-proċess kollu tirriżulta ukoll kwantità ta’ sħana li ser tintuża biex jissaħħan l-ilma tas-swimming pool terrapewtiku li għanda l-Fondazzjoni Inspire li qiegħed  ftit il-bogħod. Li jibqa’, jintuża bħala kompost.

Dan il-proġett pilota biex jinġabar separatament l-iskart organiku għandu l-potenzjal li jnaqqas b’mod sostanzjali l-iskart li jispiċċa fil-miżbliet tagħna. L-iskart fil-borza s-sewda jista’ jonqos saħansitra bin-nofs. Il-gass li minnu jiġi prodott l-elettriku jonqos mill-emissjonijiet serra tal-pajjiż u b’hekk ukoll b’dan il-proġett inkunu qed nagħtu s-sehem tagħna biex jonqsu l-impatti li qed jagħtu kontribut għat-tibdil fil-klima.

Għalhekk hu neċessarju li nisseparaw l-iskart. Għax innaqqsu l-impatti ambjentali u fl-istess ħin inkunu qed nagħtu l-kontribut żgħir tagħna biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.

ippubblikat fuq iNews it-Tnejn 26 t’Ottubru 2015

Our waste has good value

organic waste

 

Our waste can be put to good use, which is why we are encouraged to separate and recycle what we would otherwise throw away. Our waste contains plenty of useful resources which can be recovered and re-circulated in our economy and we separate paper, glass, metals and plastic, all of which can be reused.

We also recycle electric and electronic equipment such as televisions, radios, refrigerators,  PCs and laptops. Instead of being thrown away, disintegrating into a chemical soup in a landfill, this equipment will be dismantled into its component parts, most of which can be reused. Most  electronic equipment  nowadays makes use of some rare metal and it is in everybody’s interest that such resources are recycled.

Next Friday, 30 October, state waste management operator WasteServe, in conjunction with the five local councils of Mdina, Ħal-Għaxaq, Ta’ Xbiex, Bormla and Birkirkara will commence the separate collection of organic waste in Malta. This pilot project will run for a number of weeks during which separated organic waste will be collected twice weekly (on Mondays and Fridays) after which it will be extended to the rest of our localities.

The organic fraction of our waste may be as high as 52 per cent of the waste discarded by each household in the black garbage bags. This, apparently, is the most accurate estimate to date resulting from a National Statistics Office study carried out in 2012 entitled Household Waste Composition Survey. A more recent waste characterisation exercise, carried out by WasteServe itself in the localities participating in the pilot project, indicates that the size of the organic waste percentage varies in the different localities. This may be the result of different lifestyles, as a result of which we tend to have different patterns of behaviour that are even evident in our waste.

WasteServe has already organised a door-to-door information exercise explaining their role to residents of the five localities, who have also been supplied with white bags in which they are to collect organic waste, as well as suitably aerated bins in which to place these bags.

Organic waste, sometimes referred to as “green waste”, is organic material such as food and garden waste. It can also include animal and plant-based material and degradable carbon such as paper and cardboard.

The organic waste collected from our doorsteps will be delivered to the Sant Antnin Waste Treatment Plant at Marsascala where it is verified that the white bags contain only organic waste. It is then placed in a waste digester where, as a result of its decomposing in the absence of oxygen, it will produce the gas methane, which is collected and used to produce electricity.

In addition, the heat produced will be used to heat the therapeutic swimming pool at the neighbouring Inspire Foundation, a considerable help to the foundation’s clients. The remainder is then used as compost.

The organic waste pilot project thus has the potential to substantially reduce the  waste that currently ends up at the Magħtab landfill. In addition, when the methane resulting from its decomposition is used to produce electricity, we will also be reducing the emission of a greenhouse gas which is 20 times more potent than carbon dioxide. This will be an additional step in reducing Malta’s contribution to climate change.

These are the practical reasons why it is imperative that we recycle. We reduce our negative environmental impact and, as a result, create the conditions for a better quality of life for everyone.

published in The Malta Independent on Sunday 25 October 2015

Il-mina bejn Malta u Għawdex

Gozo_tunnel_route_alignment_options

 

Ma nafx jekk il-Ministru tal-Finanzi kienx jaf x’inhu jgħid meta qal li l-feasibility study “ikkummissjonat minn Transport Malta u l-Gozo Business Chamber” dwar il-mina bejn Malta u Għawdex kien lest. Imbagħad fis-sentenza ta’ wara jgħidilna li l-pass li jmiss issa huwa l-istudju tekniku u ġeoloġiku dwar il-mina.

Il-mistoqsija toħroġ waħedha: kif tista’ tagħmel feasibility study sura, jiġifieri studju dwar jekk jaqbilx li jsir il-proġett, meta għadek ma lestejtx l-iktar studju importanti: dak ġeoloġiku.

Dan ilu żmien jingħad minn kull min jaf l-affarijiet.

Jiena ktibt dwar dan kważi ħames snin ilu.

Iktar importanti milli ktibt jien, illum tkellem mat-Times il-ġeoloġista Peter Gatt. Tkellem ukoll mat-Times nhar it-3 ta’ Frar 2011.

Dr Peter Gatt jispjega fit-Times tal-lum għaliex qabel ma jsir l-istudju ġeoloġiku ma tista’ tikkonkludi xejn. Dan l-istudju hu “a vital first step”. Dan minħabba li l-istudju ġeoloġiku, jekk isir sewwa, jidentifika l-problemi ġeoloġiċi fuq ir-rotta li tkun ser titħaffer. Min-naħa l-oħra, jispjega Dr Gatt, jekk l-istudju ma jsirx, jew ma jsirx sewwa l-ispejjes tal-proġett jimmoltiplikaw. Kif ġara, jgħidilna Dr Gatt, fil-mina bejn Delimara u l-Marsa [bejn iż-żewġ power stations] li swiet id-doppju ta’ dak ippjanat minħabba li, billi ma kienx hemm informazzjoni ġeoloġika adegwata f’idejn min fassal il-proġett, kien hemm kollass tal-blat f’diversi partijiet tal-mina.

Dr Gatt isemmi l-eżempju tal-istudju ġeoloġiku li sar bi preparazzjoni għaċ-Channel Tunnel bejn l-Ingilterra u Franza. Dan l-istudju dam 50 sena biex sar u minkejja dan, l-ispiża taċ-Channel Tunnel xorta varjat bi 80% mill-istima oriġinali.

Meta wieħed iqis dan kollu ma nafx x’feasibility study sar!

Qalulna ukoll (mhux fil-baġit) li l-mina ser tiġi tiswa madwar €250 miljun. Meta tqis l-ispejjes li jistgħu jkunu meħtieġa minħabba l-kundizzjonijiet ġeoloġiċi taħt il-Fliegu bejn Malta u Għawdex, naħseb li din l-istima hi baxxa ħafna. Fil-fatt jiena fl-artiklu tiegħi tal-2011 kont għidt li probabbilment li l-ispiża tkun bejn €1 biljun u €1.5 biljun. Dan kont ibbażajtu fuq l-ispiża stmata għall-mina bejn il-gżira Daniża ta’ Lolland u l-gżira Ġermaniża ta’ Fehmarn li kienet qed tkun diskussa f’dak iż-żmien. Għalkemm dawn huma stimi imma xorta hemm diskrepanza kbira li mhiex ġustfikata.

Hemm dawn il-problemi kollha u għandna ma bdejniex nitkellmu dwar impatti ambjentali, li minnhom hemm bosta.

Il-mina, biex issir, ser tiġġenera kwantità kbira ta’ blat imqatta. Dan ivarja skond id-diżinn u jista’ jammonta sa żewġ miljun metri kubi ta’ blat. Hemm ukoll is-siti Natura 2000 li qegħdin viċin ħafna taż-żona fejn ser tiżbokka l-mina fl-inħawi taċ-Ċumnija limiti tal-Mellieħa.

Imma l-feasibility study lest, qalilna l-Ministru!

It-Tabib Godfrey Farrugia u l-ilma

Godfrey Farrugia

L-ewwel nett nagħti merħba lil Godfrey li rritorna għall-ħidma politika wara l-esperjenza kerha li għadu kif ħareġ minnha. Ngħidlu prosit għall-mod kif affronta l-kanċer tal-prostata kif ukoll għall-messaġġ pożittiv li ipprova jwassal permezz tal-esperjenza tiegħu.

Illum Godfrey fil-Parlament għamel intervent qasir fid-diskussjoni dwar l-estimi tal-Ministeru tal-Enerġija u s-Saħħa.

Tkellem dwar żewġ punti importanti.

Tkellem dwar il-ħtieġa tal-konservazzjoni tal-ilma tal-pjan u tkellem ukoll dwar ir-rimi tal-mediċini.

Nieħu pjaċir li Godfrey ħass il-ħtieġa li jemfasizza l-ħtieġa tal-konservazzjoni tal-ilma tal-pjan għax il-Ministru tal-Finanzi ma sabx il-ħin fid-diskors tal-baġit biex jagħmel dan. Is-serq tal-ilma tal-pjan bil-boreholes illegali kif ukoll il-kontaminazzjoni tiegħu, prinċipalment minn sorsi agrikoli, mhiex biss issue ambjentali. Hi ukoll materja ta’ importanza ekonomika kbira li ma nistax nifhem kif il-Ministru tal-Finanzi qiegħed jinjorha sena wara l-oħra.

Godfrey tkellem ukoll dwar il-rimi tal-mediċini. Bosta jarmu l-mediċina fis-sistema tad-drenaġġ inkella maż-żibel. Dan mhux aċċettabbli għax toħloq diffikultajiet kbar. Is-suggeriment ta’ Godfrey li l-ispizeriji fl-ibliet u l-irħula tagħna għandhom rwol importanti fil-ġbir tal-mediċini li jkunu għar-rimi m’għandux ikun skartat. Ikun utli kieku l-Wasteserve teżamina sewwa is-suġġeriment ta’ Godfrey għax naħseb li jista’ jkun implimentat mingħajr wisq diffikulta.

 

Segretezza tal-Gvern u l-paroli vojt ta’ Simon Busuttil

Delimara floating gas stirage terminal

 

Xi ftehim ser jidħol għalih il-Gvern dwar l-elettriku li ser jinxtara mingħand il-kumpanija Electrogas?

Inkunu nafu t-tweġiba meta l-Gvern jippubblika l-informazzjoni dwar il-kuntratt u preferibilment jippubblika l-kuntratt innifsu. Dejjem jekk jippubblikah.

Jiena ma nafx x’fih il-kuntratt. Imma nistenna li jkun fih informazzjoni dwar mekkaniżmu biex ikun varjat il-prezz tal-elettriku li l-Gvern ser jobbliga ruħu li jixtri. Mekkaniżmu bħal dan ikun irid jipprovdi kif l-elementi li jvarjaw fl-ispejjes biex ikun ġenerat l-elettriku jittieħdu in konsiderazzjoni u eventwament jipproduċu prezz rivedut meta dan ikun meħtieġ.

Apparti l-profitti, hemm erba’ elementi li fuqhom inevitabilment ikun ibbażat il-prezz tal-elettriku li l-pajjiż ser jixtri mingħand l-Electrogas.

L-ewwel hemm l-ispejjes tal-impjant u l-finanzjament tiegħu. Dawn l-ispejjes, huma in parti fissi imma hemm parti minn din l-ispiża li tvarja u ċjoe l-interessi li jitħallsu lil min qed jiffinanzja l-proġett. Dawn l-interessi ivarjaw tul il-perjodu tal-kuntratt.

It-tieni hemm l-ispejjes tal-maintenance tal-power station u l-faċilitajiet anċillari għaliha li b’mod ordinarju jistgħu jkunu antiċipati. Ħsara straordinarja  tkun koperta minn insurance policy għall-impjant.

It-tielet hemm  il-prezz tal-gass innifsu. Il-kalkoli huma fuq prezz partikolari, probabbilment fuq il-prezz tal-lum magħdud miegħu xi varjazzjonijiet. Dan il-prezz tal-gass ser ikun garantit għal perjodu ta’ żmien. Waqt il-kampanja elettorali kienu qalulna li l-prezz tal-gass kien ser ikun garantit għal 10 snin, liema dikjarazzjoni mill-ewwel kien ċar li kienet ħrafa. Probabbilment li l-garanzija tal-prezz tal-gass ser tkun għal tlett snin. Wara t-tlett snin għad irridu naraw x’ser jiġri.

Ir-raba’ hemm il-pagi tal-impjegati li tul il-perjodu ta’ validità tal-kuntratt ser ivarjaw. Dawn ukoll ikunu riflessi fil-prezz tal-elettriku.

Ma nistax nimmaġina li l-ftehim li ser jagħmel il-Gvern mal-Electrogas ma jaħsibx għal dawn il-varjazzjonijiet. Dan mhux biss fl-interess tal-pajjiż imma hu ukoll fl-interess tal-Electrogas.

Ovvjament sakemm il-ftehim jibqa’ mhux pubblikat, dan mhux ser inkunu nafuh. Probabbilment li l-Gvern jibqa’ ma jippubblikax il-kuntratt bl-iskuża tas-sensittività kummerċjali tiegħu.

Filwaqt li m’ hux ġustifikat li l-kuntratt jibqa’ sigriet dan iżda ma jiġġustifikax il-paroli vojt tal-Kap tal-Opposizzjoni li qal li “meta jkun fil-Gvern” ma ’ jħossux marbut bil-ftehim u jkun lest li jixtri l-elettriku permezz tal-interconnector minn Sqallija, jekk ikun jaqbel.

Ilkoll nafu li d-deċiżjonijiet ta’ kull Gvern jorbtu lill-Gvernijiet ta’ warajh, kemm jekk taqbel magħhom kif ukoll ma taqbilx. Jorbot mhux biss il-Gvern tal-lum imma ukoll il-Gvernijiet tal-futur.

Din hi it-tieni darba għal  Simon Busuttil: xi żmien ilu kien qalilna li meta jkun Prim Ministru jirtira ċ-ċittadinanza li qed tinbiegħ illum mill-Gvern ta’ Muscat. Iżda issa ilu ftit ma jfakkarna dwar dan. Donnu irrealizza li anke dakinnhar  żbalja bil-goff.

Is-segretezza tal-Gvern w il-paroli vojt tal-Kap tal-Opposizzjoni ma jagħmlu ġid lil ħadd.