Nhar il-Ħadd quddiem il-binja tal-Parlament Simon tkellem dwar it-tmexxija ħażina tal-Gvern immexxi minn Joseph. Simon irid ċans. Irid iċ-ċans li jwettaq il-bidla li wiegħed Joseph u li m’għamilx.
Ma tistax ma taqbilx miegħu, mhux hekk? B’differenza waħda.
Għax jekk ġustament tasal għall-konklużjoni li Joseph qed imexxi ħażin, b’daqshekk ma jfissirx li Simon hu s-soluzzjoni. Simon għadu mdawwar b’ħafna minn dawk li kellu madwaru Lawrence Gonzi. Għax għalkemm ir-responsabbilta politika intrefgħet minn Gonzi, fir-realtà t-tort mhux tiegħu biss iżda (ukoll) ta’ dawk kollha li kellu madwaru li qalulu iva fil-Kabinett u fil-Parlament. Dawn, ħafna minnhom għadhom hemm. Bħala d-delegat speċjali ta’ Lawrence Gonzi Simon dan jafu sewwa.
Dan hu l-passat li Simon ma jixtieqx li jitkellem dwaru. Imma hu passat li qiegħed hemm. Għax hu l-kaġun tal-preżent. Għadu frisk wisq, u bosta mhux ser jinsew malajr, avolja Simon jixtieq jinsieh.
Insemmi eżempju wieħed minn ħafna.
Simon jidher li impressjona ruħu bl-ikbar dimostrazzjoni favur l-ambjent – dik dwar iz-Zonqor. Meta Simon kien Brussels kellna ħafna minnhom dawn id-dimostrazzjonijiet dwar il-frejjeġ ambjentali tal-Gvern immexxi minn sieħbu Lawrence Gonzi. Dan m’huwiex biss il-passat, iżda huwa ukoll parti mill-kawża tal-agunija ambjentali li minnha għaddej il-pajjiż illum.