Bejn prinċipji u strateġija

 Jeremy Corbyn PMQT

 

L-elezzjoni ta’ Jeremy Corbyn bħala mexxej tal-Partit Laburista Ingliż heżżet mill-qiegħ il-politika Inġliża. Ħolqot ukoll dibattitu dwar kemm jagħmel sens għal-laburiżmu Inġliż li jagħti iktar każ tal-egħruq tiegħu ħafna iktar milli għamel sal-lum.

F’nofs il-kampanja għall-mexxej laburista, seħħ fatt li kellu impatt mhux żgħir fuq il-kampanja. Il-Gvern Ingliż ressaq għad-diskussjoni fil-House of Commons liġi dwar is-serviżżi soċjali imsejħa l-Welfare Bill.   L-aġent mexxej tal-Laburisti Ingliżi, Harriet Harman, tat direttiva lill-grupp parlamentari biex jastjeni meta issr il-votazzjoni fl-istadju tat-tieni qari. L-abbozz ta’ liġi hi parti minn strateġija tal-Gvern konservattiv Ingliż biex jibda jżarma l-welfare state. Il-partit laburista Ingliż ħassu f’morsa.

Imma 48 mill-Membri Parlamentari Laburisti sfidaw id-direttiva tal-Partit tagħhom u xorta ivvutaw kontra. Fosthom kien hemm Jeremy Corbyn, l-unika wieħed mill-erba’ kandidati għat-tmexxija li għamel hekk. L-oħrajn baxxew rashom.

Ma kinitx l-ewwel darba għal Jeremy Corbyn li rribella u għamel ta’ rasu waqt votazzjoni. Milli qrajt, din l-istorja għamilha madwar 533 darba kemm ilu membru parlamentari, f’mumenti fejn fuq punt ta’ prinċipju dehrlu li kellu jivvota differenti.

Il-Partit Laburista Ingliż issa huwa mmexxi minn ribell. Għax irribella kull meta l-kuxjenza iddettatlu linja differenti minn dik tal-partit, Corybn hu bniedem li japprezza iktar il-valur tad-diskussjoni interna fil-partit. Diskussjoni li tibda mill-egħruq u titla’ l-fuq ftit ftit sakemm twassal għal deċiżjoni. Dan jikkuntrasta ħafna mal-mod kif ħafna drabi jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-politika: jittieħdu fuq nett, u jkunu imposti fuq l-egħruq.

Dan kollu jagħti kredibilità ikbar lil Jeremy Corbyn fl-argumenti li żviluppa waqt il-kampanja għat-tmexxija dwar il-ħtieġa ta’ demokratizzazzjoni ikbar tal-partit. Irnexxielu jimmotiva ħafna nies u kulħadd jattribwixxi lilu, l-mewġa kbira ta’ membri ġodda li resqu lejn il-Partit Laburista Ingliż f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Dawn huma kollha persuni li emmnu li Jeremy Corbyn irid li l-Partit Laburista Ingliż, ikun il-partit li jismagħhom kif ukoll li jkun il-vuċi tagħhom. Wegħda li irnexxielu jimplimenta fl-ewwel ġranet tiegħu bħala mexxej bil-mod sempliċi imma dinjituż kif ħa sehem fil-Prime Minister’s Question Time nhar l-Erbgħa. Irċieva ‘il fuq minn 40,000 e-mail bi proposti u mistoqsijiet li minnhom għażel sitta dwar temi ta’ politika soċjali attwali fir-Renju Unit.

Corbyn ġie elett għax wassal messaġġ ċar dwar l-awtentiċità politika tiegħu: li hu jaġixxi skond dak li jemmen u mhux skond kif jaqbel.

Il-Partit Laburista Inġliż għandu dilemma li għadu ma sabx mod kif isolviha mingħajr ma jxellef dak li jemmen. Ix-xellug Ingliż hu maqsum u huwa rappreżentat minn diversi partiti. Dan hu ppenalizzat mis-sistema elettorali Ingliża tal-first past the post, fejn il-Ħodor, per eżempju, kisbu miljun vot, imma siġġu parlamentari wieħed fil-waqt li l-partit skoċċiż SNP b’ftit inqas minn miljun u nofs vot ikkonċentrati fl-Iskozja rebħu 56 siġġu parlamentari.

Rapport dwar l-elezzjoni ġenerali Ingliżi ta’ Mejju li għadda ippubblikat din il-ġimgħa u intitolat “Learning the right lessons from Labour’s 2015 defeat” jidentifika, fost l-oħrajn, li l-voti li l-Labour Ingliż rebaħ f’xi kostitwenzi mingħand kandidati liberali swew biex dawn tilfu s-siġġu u dan intrebaħ mill-Partit Konservattiv. Dan ġara f’numru ta’ kostitwenzi u spiċċa biex dgħajjef lill-allejati potenzjali tal-Partit Laburista Ingliż.

Dan trid tarah fid-dawl tar-riżultati elettorali miksuba tul is-snin fejn qabel ma tfaċċa Tony Blair, il-Labour Ingliż, meta rebaħ, għamel dan bit-tqanżieh. Blair kien rebaħ b’mod komdu tlett elezzjonijiet wara xulxin. Dan sar għax Blair trasforma l-Partit Laburista Ingliż minn wieħed ibbażat fuq twemmin soċjalista għal wieħed fejn iktar ta’ importanza lill-politika neo-liberali b’mod li għal żmien mhux qasir, ma kienx jingħaraf mill-Partit Konservattiv Ingliż. Fi ftit kliem, bosta jqiesu li l-Partit Laburista Ingliż fi żmien Tony Blair biegħ ruħu.

Din hi l-bidla mill-qiegħ li tfisser l-elezzjoni ta’ Jeremy Corbyn. Il-Partit Laburista Ingliż irid ruħu lura!

L-ideat ta’ Corbyn ġew imfissra min uħud bħala li jikkundannaw lill-Partit Laburista Ingliż għal snin twal fl-Opposizzjoni. Għax għal dawn, dak li temmen huwa sekondarju. L-importanza hi fl-istrateġija, fis-soundbites u fil-komunikazzjoni orkestrata u mhux fl-awtentiċità politika tat-tmexxija.

Issa ma rridx li ninftiehem ħazin: il-metodu kif il-politiku jikkomunika huwa importanti ħafna. Peró m’għandux u qatt mhu meħtieġ li jkunu sagrifikati l-prinċipji fuq l-altar tal-popolarità.

Din hi l-isfida li għandu quddiemu Jeremy Corbyn. Iżda hi sfida li jista’ jegħliba minkejja l-antagoniżmu tal-grupp parlamentari li hu mdawwar bih. Iċ-ċavetta jsibha, mhux biss fl-għeruq tal-partit li tawh l-appoġġ massiċċ tagħhom imma ukoll billi jibni pontijiet ma dawk il-partiti politiċi li jqarrbu l-iktar lejn l-ideat u l-idejali tiegħu. Għax hu possibli li l-prinċipji u l-istrateġija jimxu id f’id.

 

ippubblikat fuq Illum, il-Ħadd 20 ta’ Settembru 2015

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s