Il-qerda tal-għasafar protetti tkompli

160915_BirdLife staff with 3 shot birds

 

Nhar l-Erbgħa il-BirdLife Malta ġabret tliet għasafar protetti midruba – Russett Aħmar (Purple Heron), Bagħdan Aħmar (Marsh Harrier) u Gamiema tal-Kullar (Collared Dove). It-tliet għasafar kienu rraportati minn membri tal-pubbliku u kkonfermati minn veterinarju li soffrew feriti kaġun ta’ tiri ta’ senter.

Ir-Russett Aħmar li instab fl-inħawi ta’ Mġarr ix-Xini f’Għawdex, kellu ksur fil-ġewnaħ tax-xellug u kellu jitraqqad kawża tal-feriti li ġarrab.

Bagħdan Aħmar inġabar minn Birzebbuga b’ferita fil-ġewnah tal-lemin. Ritratt bl-X-ray ikkonferma li l-għasfur kellu ferita qadima fil-ġewnaħ tax-xellug li kienet fieqet, madankollu ġarrab ferita friska minn tir ta’ senter li kkawza ksur fil-ġewnaħ tal-lemin u ħalla diversi ċomb f’ġisem l-għasfur. Il-Bagħdan ġie mgħoddi lill-puluzija tal-ALE.

Kemm il-Bagħdan Aħmar, kif ukoll ir-Russett Aħmar huma żewġ speċi fost li jaqgħu taħt Anness 1 tad-Direttiva tal-Għasafar u li għandom l-ogħla forma ta’ ħarsien.

Gamiema tal-Kullar, tajra oħra protetta, instabet fil-Madliena b’ ferita fil-ġewnaħ tax-xellug ukoll kaġun ta’ tir ta’ senter. L-għasfur qiegħed jingħata l-kura meħtiega.

 

Dawn l-inċidenti jġibu għal 4 t-total ta’ għasafar midruba kawża ta’ kaċċa llegali li l-BirdLife Malta ġiet mgħodija minn membri tal-pubbliku. Il-BirdLife Malta tisħaq li dawn l-inċidenti huma indikazzjoni tal-ammont ta’ kaċċa llegali li qed isseħħ f’dawn iż-żminijiet b’diversi tajr protett ieħor maqtul li ma jiġix irrapportat. Il-BirdLife tixtieq tfakkar lil membri tal-pubbliku biex jirraportaw kaċċa llegali lill-pulizija fuq 119 jew lill-għaqda fuq 21347644.

(test meħud minn stqarrija ta’ Birdlife Malta li ħarġet il-bieraħ)