Terrimot fil-Partit Laburista

Jeremy Corbyn 2

 

Infqajt nidħaq nisma’ lil Aaron Farrugia, Chairman tal-Fondazzjoni Ideat tal-Partit Laburista ta’ Malta, jipprova jispjega waqt l-aħbarijiet fuq Super One (is-Sibt fil-għaxija) għaliex ġie elett Jeremy Corbyn bħala l-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista Ingliż.

Semma kull raġuni possibli, minnbarra r-raġuni rejali: li Jeremy Corbyn ma jagħmilx kompromessi ma dak li jemmen fih. Kienet l-awtentiċità ta’ Corbyn il-kawża ewlenija tat-terrimot li l-effetti tiegħu għadhom jibdew. Corbyn kien l-unika wieħed mill-kandidati li kien soċjalista u ma jistħix jgħid li hu hekk. Naħseb li Aaron ħassu ħafna imbarazzat li jgħid li osserva dan, ħaga li probabbilment ilu ħafna jinnota ukoll fil-Headquarters tal-Ħamrun.

Fil-bidu tal-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Laburista Ingliż fil-Parlament, għall-ħabta ta’ nofs Lulju, il-Gvern Ingliż ressaq abbozz ta’ liġi biex inaqqas il-benefiċċji soċjali. Tlieta mill-kandidati għat-tmexxija Laburista, dakinnhar astjenew fil-votazzjoni. Kien Jeremy Corbyn l-uniku wieħed mill-erba’ kandidati li ivvota kontra dan l-abbozz ta’ liġi.

Rebħa bi kważi 60% tal-voti ma l-ewwel għadd m’hiex ċajta. Id-distakk bejn Jeremy Corbyn u Andy Burnham kienet ta’ tlett darbiet (Burnham ma qabiżx l-20%). L-oħrajn ġiebu inqas!

Il-kampanja għat-tmexxija tal-Partit Laburista Ingliż uriet li hemm distakk kbira bejn dak li jaħsbu l-membri tal-partit u dak li jaħsbu l-Membri Parlamentari tal-istess partit. Bħala riżultat tal-elezzjoni ta’ Jeremy Corbyn diversi membri ewlenin tal-grupp parlamentari ippreferew li jwarrbu jew ma jaċċettawx posizzjoni fis-Shadow Cabinet. Dan ingħata prominenza fil-gazzetti Ingliż matul il-jum tal-bieraħ. Fatt li jista’ joħloq diffikultajiet għal Corbyn mhux biss ta’ natura temporanja.

M’huwiex faċli tgħid kif ser jiżviluppaw l-affarijiet. L-ikbar ostaklu għal Corbyn m’huwiex il-Gvern konservattiv, iżda “sħabu” fil-grupp Parlamenti.

Fil-ġimgħat li ġejjin hemm ippjanati sfidi kbar. Fosthom liġi li tikontrolla lit-Trade Unions u li tfittex ukoll li tnaqqas sostanzjalment il-finanzjament tal-Partit Laburista Ingliż mill-istess Trade Unions. Hi imminenti ukoll deċiżjoni mill-House of Commons dwar l-armamenti nuklejari Inġliżi.

Ser ikunu ġimgħat li fihom nosservaw kemm hu possibli li f’partit politku jikkoeżistu veduti radikalment differenti fuq ħafna affarijiet : fuq l-Unjoni Ewropeja, fuq in-NATO, fuq l-armamenti nuklejari, fuq l-awsterita, fuq l-użu tal-forza militari bħala għodda għall-politika barranija ……………. Kollha materji li dwarhom ftit kien hemm x’tagħżel fil-passat riċenti bejn in-New Labour u l-Konservattivi.

Minn tmiem il-ġimgħa in-New Labour fir-Renju Unit spiċċa. Dawk li sa ftit ġranet ilu kienu meqjusa bħala r-ribelli issa qegħdin fit-tmexxija, u dawk li kienu qed jinsistu fuq il-lealtà lejn it-tmexxija issa qegħdin minn taħt. Id-demokratizzazzjoni tal-partit ser tkun iċ-ċavetta biex il-Partit Laburista Ingliż ma jibqax jistħi jgħid li hu soċjalista. Kollox jiddependi minn kemm l-entużjażmu li nisslet il-kandidatura ta’ Corbyn jibqa’ ħaj fl-egħruq tal-partit. Jekk dan jibqa’, Corbyn ikompli biex jittrasforma l-Partit Laburista Ingliż in konformità mat-twemmin tiegħu. Jekk le, il-partit jerġa’ lura biex ikun kopja tal-konservattivi.