Ħruġ ta’ żjut fil-Port Ħieles: it-tielet darba din is-sena

freeport.aerial viw

Erġajna għat-tielet darba.

Kmieni dal-għodu kien hemm rapport li kien hemm roqgħa żejt fil-baħar fl-inħawi tal-Port Ħieles. Transport Malta kienet qed tinvestiga. Il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu qed jieħdu passi kemm biex iż-żjut jinġabru kif ukoll biex sakemm jinġabru ma jinfirxux u b’hekk il-ħsara tkun l-inqas possibli.

Jidher li l-inċident inqala waqt operazzjoni ta’ bunkering ship-to-ship.

Huwa tajjeb li l-awtoritajiet huma attrezzati biex jieħdu passi mill-ewwel. Imma issa li donnu dawn l-inċidenti qed iseħħu spiss (diġa t-tielet darba din is-sena) irid ikun assigurat li jittieħdu miżuri korrettivi dwar kif isir dan it-tip ta’ xogħol fil-Port Ħieles.

Ir-rapporti tal-investigazzjoni li qed tagħmel Transport Malta huwa neċessarju li jittieħdu passi dwarhom.

Iktar kmieni din is-sena, meta seħħu l-inċidenti l-oħra, Marlene Farrugia, il-Membru Parlamentari li tippresjedi l-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar kienet talbet spjegazzjoni dwar dak li kien qed jiġri.

Nittamaw li dawn l-ispjegazzjonijiet ingħataw ħalli meta ix-xahar id-dieħel jibda l-Parlament tkun tista’ issir diskussjoni serja mhux biss dwar dak li ġara, imma ukoll fuq x’passi qed jittieħdu biex tonqos il-frekwenza ta’ dawn l-inċidenti.

Għas s’issa jidher li dawn l-inċidenti jiżdiedu qegħdin mhux jonqsu!