Il-petrol u d-diesil ser jorħos?

 

petrol

Nafu, għax il-medja tfakkarna l-ħin kollu, li l-prezz taż-żejt fis-swieq internazzjonali niżel sewwa. Għalfejn mela f’Malta għad ma raħsux il-prezz tal-petrol u d-diesel għall-konsumatur? Il-prezz għadu għoli meta tqabblu mal-prezzijiet fil-parti l-kbira tal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

Għandu l-Gvern iraħħas il-prezz, jew għandu jħallih kif inhu?

Sa issa l-Gvern permezz tal-Korporazzjoni Enemalta mexa billi perjodikament aġġusta l-prezzijiet skond kemm il-petrol u id-diesel kienu ser jiġu jiswew lilu.

Il-prezz tal-petrol bla ċomb bħalissa hu ta’ €1.35 il-litru li minnhom €0.73 huma taxxi. Min-naħa l-oħra, l-prezz tad-diesel bħalissa hu ta’ €1.28 li minnhom €0.543 huma taxxi. It-taxxi fuq il-petrol u d-diesel ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor, bħalma jvarjaw ukoll il-prezzijiet. Il-prezz tal-petrol bla ċomb f’xi pajjiżi jinbiegħ għola minn Malta. Hemm iżda diversi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fejn jinbiegħ orħos, fosthom is-segwenti : l-Polonja (€1.116-il litru), l-Estonia (€1.129), l-Awstrija (€1.142), il-Latvia (€1.146), il-Litwanja (€1.17), l-Ungerija (€1.173), il-Bulgarija (€1.176), il-Lussimburgo (€1.195), ir-Repubblika Ċeka (€1.221), ir-Rumanija (€1.222),  Spanja (€1.251), il-Kroatja (€1.275), Ċipru (€1.286) u s-Slovenja (€1.331).

Il-lista ta’ pajjiżi tal-UE fejn id-diesel jinbiegħ irħas minn Malta hi ferm itwal. L-irħas prezz huwa dak tal-Litwanja fejn jinbiegħ €0.93 il-litru. Min-naħa l-oħra fl-Italja jinbiegħ €1.458 u fir-Renju Unit jinbiegħ €1.509 il-litru.

Għandu jorħos il-prezz tal-petrol bla ċomb u tad-diesel f’Malta?

L-argumenti favur li jorħos il-prezz tal-petrol u d-diesel huma ta’ spejjes inqas għall-konsumatur.

L-argumenti kontra tnaqqis fil-prezz huma argumenti ta’ natura ambjentali. Għax prezz għoli ifisser attenzjoni iżjed fil-konsum filwaqt li prezz li jitbaxxa jinkoraġixxi l-laxkezza fil-konsum.

Dan l-argument biex il-prezz tal-petrol u d-diesel ma jorħosx ikun validu, anzi validu ħafna, meta jkollna transport pubbliku li jaħdem sewwa, u b’hekk ikun jista’ joffri servizz effiċjenti u alternattiv. Ilkoll nirrikonoxxu li hemm titjib fis-servizz imma dan għadu mhux biżżejjed biex iħajjar lin-nies jagħmlu iktar użu mit-trasport pubbliku flok ma jutilizzaw karozzi privati u b’hekk jonqsu l-karozzi fit-toroq tagħna.

Ilkoll nafu li l-kwalità tal-arja f’Malta l-iktar li hi effettwata hi mill-emissjonijiet tal-karozzi, kemm dawk li jużaw il-petrol kif ukoll dawk li jagħmlu użu mid-diesel. Jekk jonqsu dawn l-emmissjonjijiet ser ikollna titjib fil-kwalità tal-arja. Dan jista’ iseħħ billi jintużaw karozzi li jagħmlu użu minn teknoloġija differenti, bħall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku jew bil-gass, inkella billi jintuża t-trasport pubbliku flok il-karozzi privati. Dan ovvjament apparti li nimxu fejn possibli inkella li tintuża r-rota.

L-għażla, eventwalment trid issir min-nies individwalment. Imma l-Gvern dejjem jista’ jimbotta ftit biex jinkoraġixxi lil dak li jkun biex jibdel l-imġieba tiegħu u b’hekk jagħti l-kontribut tiegħu għall-kwalità tal-arja aħjar.

Tnaqqis ta’ taxxi fuq il-karozzi li ma jniġġsux hi għajnuna li bosta gvernijiet jużaw għal dan l-iskop. Il-Gvern jista’ ukoll juża l-prezz tal-fuel, kemm dak tal-petrol bla ċomb kif ukoll dak tad-diesel bħala għodda biex iħajjar inqas nies jużaw dawn il-fuels. Hemm gvernijiet li meta għandhom trasport pubbliku li jaqdi sewwa lill-pubbliku jħallu l-prezz tal-petrol bla ċomb u tad-diesel għoli. Hekk għamel għal diversi snin il-Gvern Laburista Ingliż fil-passat billi żied t-taxxi fuq il-petrol u d-diesil.

F’dak il-każ ikun jaqbillek b’tal-linja. Ikun sinjal tajjeb meta aħna ukoll naslu sa dan il-punt, nittama f’data mhux il-bogħod. Peró naħseb li għad baqa’ ftit ieħor sa ma naslu. Imma ikun għaqli kieku l-Gvern anke f’dan l-istadju jħabbar meta jippjana li naslu f’dan l-istadju, għax ma jistax ikun li jibqgħu jiżdiedu n-numru ta’ karozzi fit-toroq.

B’dan il-mod, anke f’Malta kif jitjieb is-servizz ikun possibli li jkun inkoraġġit in-nuqqas ta’ konsum ta’ petrol u diesel, użu iktar frekwenti tat-trasport pubbliku u inqas karozzi fit-toroq u allura ngawdu arja iktar nadifa.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s