Ma nafx jekk hux apposta, imma f’dawn il-ġranet il-Gvern beda żewġ eżerċizzji ta’ konsultazzjoni.
L-ewwel wieħed, iktar kmieni din il-ġimgħa kien dwar il-Budget li jmiss. Dan sar bil-pubblikazzjoni tad-dokument ta’ qabel il-budget intitolat Delivering our Vision. Ma sibtx verzjoni bil-Malti ta’ dan id-dokument. Forsi għax tekniku. Imma xorta mhux aċċettabbli li materji ta’ importanza bħalma hi l-politika ekonomika u fiskali tal-pajjiż ma jkunux spjegati ukoll b’dokumenti bl-ilsien Malti. Suppost li qbiżna l-ħamsin sena bħala pajjiż indipendenti.
Ikolli ngħid l-istess ħaġa għall-White Paper li ħarġet dwar it-trasport għall-iskejjel. Din ħarġet il-bieraħ u hi intitolata School Opening Hours and Traffic Congestion. Hi parti minn eżerċiżżju importanti. Għalfejn bl-Ingliż? Għalfejn fi tmiem il-ġimgħa fis-sajf?
Kulltant jiġini d-dubju x’inhu l-iskop meta l-affarijiet isiru b’dan il-mod. Jekk hux kumbinazzjoni inkella jekk ikunux ippjanati.
Jista’ jkun li ser inkun irrelevanti. Imma din il-biċċa xogħol tal-biligwiżmu għandna problema. Mill-esperjenza tiegħi, żball li kien isir u naf li għadu jsir huwa:l-ewwel niddiskutu bil-Malti; niktbu t-test bl-Ingliż; imbagħad naqilbuh għall-Malti. Mhux l-ewwel darba li dan joħloq ambigwità, speċjalment f’xi avviż legali fejn it-test bil-verżjoni Maltija, li jkun ambigwu, jipprevali.
Issa jidher ukoll li l-Gvern, flimkien ma’ entitatijiet oħra ma jagħmilx użu la mit-tradutturi, u lanqas minn qarrejja tal-provi kkwalifikati. Jien kultant jiġini dubju jekk il-Gvern jafx bihom. Ma neskludix li din tista’ tkun waħda mir-raġunijiet għala toħroġ verżjoni waħda bl-Ingliż biss, kif ġara hawnhekk.