Il-bozza l-ħamra għall-Onorevoli Ministru

warning

Meta Ministru jingħata rigal, f’soċjetà demokratika tixgħel il-bozza ħamra. Jiġifieri l-allarm. Waħedha toħroġ il-mistoqsija: għalfejn l-Onorevoli Ministru ingħata rigal?

Il-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri [ara t-Tieni Skeda tal-Abbozz ta’ Liġi dwar Standards fil-Ħajja Pubblika – li għadu pendenti quddiem il-Parlament]  fir-regola numru 58 jgħid hekk :

“58. L-ebda Ministru m’għandu jaċċetta rigali jew servizzi li l-entità tagħhom tkun tali li jistgħu jpoġġuh f’obbligazzjoni, kemm jekk din tkun reali kif ukoll jekk tidher li tista’ tkun……………… ”

Huwa għal din ir-raġuni li hawn kjass bħalissa dwar il-flat ta’ Portomaso li qed jagħmel użu minnu il-Ministru Chris Cardona. L-ewwel ġie allegat li l-flat kien misluf lill-Ministru. Il-Ministru wara ħafna ħin qal li l-flat hu mikri għandu. L-Onorevoli ipproduċa ukoll kuntratt li qed jingħad li ġie iffirmat f’Diċembru 2014, għal perjodu ta’ għaxar xhur.

Il-kuntratt, li jidher li sar bil-għaġġla, fih xi dettalji nieqsa imma fih ukoll kundizzjonijiet speċjali li jwasslu għal konklużjoni li hemm xi ħaġa li qed tinħeba. Il-kera li mistennija titħallas, skond dan il-kuntratt li ġie ippubblikat il-bieraħ fil-għaxija mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, m’għandiex titħallas minn qabel, l-anqas xahar b’lura imma sa mhux iktar tard minn ħamest ijiem minn tmiem il-kuntratt.

Il-kuntratt ippubblikat għaldaqstant flok ma jagħlaq il-każ iktar jiftħu beraħ. Għax issa, iktar ċar minn qatt qabel trid tiġi imwieġba l-mistoqsija: għalfejn l-Onorevoli Ministru qed jingħata dan it-trattament preferenzjali?

Hemm min ser iweġibni u jgħidli li sid il-flat għandu dritt li jagħmel li jrid bi ħwejġu. Naqbel perfettament.

Id-diffikultà, f’soċjetà demokratika, hi li l-Onorevoli Ministru m’għandux l-istess dritt: ma jistax jaċċetta rigali jew trattament preferenzjali. Għax ikun qed jagħti messaġġ li għandu obbligazzjoni, inkella li bir-rigal jew bit-trattament preferenzjali qed titħallas lura obbligazzjoni. F’soċjeta demokratika, dawn l-messaġġi m’humiex aċċettabbli.

Għalhekk kien ġie ikkritikat bl-aħrax Tonio Fenech meta aċċetta passaġġ bla ħlas fuq jet privat biex mar jara logħba futbol ta’ l-Arsenal ġo Madrid. Lawrence Gonzi dakinnhar ukoll ma kienx kredibbli għax ma ħax passi.

Imma donnu li xejn m’hu xejn! Joseph Muscat miexi fuq l-istess passi etiċi ta’ Lawrence Gonzi: għan-niżla.

Advertisements

One comment on “Il-bozza l-ħamra għall-Onorevoli Ministru

  1. xi kultant nahseb li biex tkun Ministru fil-kabinet ta’ muscat trid taghmel dawn l-affarijiet ghaliex inkella ma jkollox cans.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s