Il-qasma tal-MEPA

MEPA cartoon cartoon by Steve Bonello

 

Il-Gvern għadu kif ippubblika numru ta’ abbozzi ta’ liġijiet konnessi mal-proposta biex il-MEPA tinqasam f’biċtejn. Hemm erba’ abbozzi ta’ liġi (mhux tlieta kif qed jgħidu) li ġew ippubblikati.

Abbozz minnhom hu dwar awtorità għall-ippjanar, ieħor hu abbozz dwar awtorità tal-ambjent (u r-riżorsi), ieħor dwar proċeduri ta’ appell minn deċiżjonijiet ta’ dawn iż-żewġ awtoritajiet u r-raba’ abbozz hu dwar it-twaqqif ta’ regolatur għall-ilma u l-elettriku (funzjoni li s-issa kienet responsabbiltà tal-awtorità dwar ir-Riżorsi).

Dawn l-abbozzi flimkien jgħoddu ħames mija u erba’ paġni. Mill-ftit li lħaqt qrajt, il-parti l-kbira ta’ dawn l-abbozzi hu eżerċizzju ta’ cut and paste, jiġifieri, b’mod ġenerali jirriproduċu l-liġijiet eżistenti imma f’kuntest regolatorju differenti. Bla dubju hemm ukoll xi tibdil li nkun naf bih (u l-konsegwenzi tiegħu) meta naqra dawn il-504 paġni waħda waħda.   Il-kummenti fuq id-dettalji għaldaqstant inħallihom għal iktar tard, jekk ikun il-każ. Għal-lum għaldaqstant ser nillimta ruħi għal kummenti ta’ natura ġenerali.

Din il-proposta tal-Gvern (jiġifieri li l-MEPA tinqasam) hi imniżżla bl-iswed fuq l-abjad fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni li għaddiet. B’daqshekk, iżda, ma jfissirx li għax kienet inkluża fil-manifest elettorali hi xi proposta tajba. Ikkritikajtha qabel l-elezzjoni għax fil-fehma tiegħi kienet proposta ħażina. Wara sentejn, għadha ħażina kif kienet sentejn ilu.

Il-proposta hi waħda li ġġib il-quddiem sistema ta’ tmexxija ħażina għax tinkoraġixxi l-frammentazzjoni: jiġifieri taqsam f’biċċiet dak li jkun aħjar kieku jibqa’ sħiħ. L-ippjanar dwar l-użu tal-art hu funzjoni ambjentali. Ikun tajjeb li jibqa’ fl-istess awtorità. Bid-differenza li flok  mal-ambjent ikun dominat mill-ippjanar għall-użu tal-art (kif b’mod malizzjuż sar fl-2002 meta saret l-għaqda) hemm bżonn eżattament bil-maqlub: li l-ippjanar għall-użu tal-art ikun ikkontrollat u immexxi mill-funzjoni ambjentali, kif għandu jkun.  Forsi fl-aħħar tibda tonqos il-ħsara li saret. Għax li hemm bżonn m’huwiex “bilanċ” artifiċjali iżda li nirrealizzaw li hemm bżonn li f’dak kollu li nagħmlu nirrispettaw l-eko-sistema li minnha niffurmaw parti. Dejjem u bla eċċezzjoni, u mhux biss meta jidher li jaqbel.

Il-problemi l-kbar li għandha l-MEPA illum mhux ser jissolvew bil-qasma bejn l-ippjanar u l-ambjent. Għax il-problemi mhux l-istrutturi (awtorità waħda jew tnejn) iżda n-nuqqas ta’ volontà politika li jkun hawn tmexxija ambjentali serja. (Id-dilettantiżmu fil-każ taż-Żonqor hu eżempju ċar dwar dan.) F’pajjiż żgħir bħal tagħna ma jagħmilx sens li nimmultiplikaw l-awtoritajiet. Dawn ifissru mhux biss iktar spejjeż iżda ukoll ħtieġa ta’ iktar impjegati imħarrġin f’oqsma li m’għandniex.

Il-MEPA għandha bżonn iktar riżorsi u inqas indħil. Għandha bżonn uffiċjali li jpoġġu l-interess pubbliku f’dak kollu li jagħmlu. Għax awtorità li tirregola, isimha magħha. Qegħda hemm biex tmexxi, mhux biex titmexxa. Xogħol il-Gvern hu li jagħti direzzjoni politika, mhux li jiddetta ukoll kif din id-direzzjoni tkun implimentata.  U l-gvern ma jiddettax billi jgħid lill-membri tal-bordijiet x’għandhom jew x’m’għandhomx jagħmlu. Ħafna drabi l-anqas biss m’hemm ħtieġa li jgħidilhom xejn. Għax ikun diġà qagħad attent ħafna meta ħatarhom.

Fl-aħħar kollox jiddependi minn dawk magħżula biex imexxu. Hawn hu l-qofol ta’ kollox. Jekk aħna kapaċi bħala pajjiż insibu mod kif nagħżlu l-aħjar nies, il-problemi jonqsu ħafna. L-anqas  ir-rapprezentanti tal-partiti politiċi m’hemm bżonnhom fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. Minflok ma jaħtar Membri Parlamentari biex jieħdu sehem dirett fl-awtorità tal-ippjanar kien ikun ħafna aħjar kieku l-Parlament jagħmel xogħolu billi jissorvelja l-ħidma tal-awtoritajiet, kontinwament.

Fil-manifest elettorali ta’ Alternattiva Demokratika għall-elezzjoni tal-2013 dan hu kollu spjegat dettaljatament. Tista’ taqra hawn, dwar il-frammentazzjoni, dwar il-ħatriet u dwar il-rwol tal-Parlament li jissorvelja.

Dan hu it-tibdil vera li għandha bżonn il-MEPA fl-2015. L-uniku tibdil li hu meħtieġ.

 

 

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s