Kastilja bir-remote control tal-MEPA

MEPA + gov logo

 

Il-MEPA u Kastilja huma ħaġa waħda,  qalilna l-kelliemi tal-PN Ryan Callus. Dan il-kumment qalu b’referenza għax-xhieda tal-Kap Eżekuttiv tal-MEPA Johann Buttiġieg fil-Parlament [Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp] dwar l-Università fiż-Żonqor u kif huwa ġie mqabbad iħejji r-rapport dwar kemm kienet addattata jew le l-art fiż-Żonqor għall-ħsieb li kellu l-Gvern.

L-Onorevoli Ryan Callus hu korrett. Li ma qalx Ryan Callus kien li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ma bidilx il-liġi (s’issa) imma għamel użu minn dak li sab.

Nistieden lil Ryan Callus biex jgħarbel ftit il-ħidma tal-MEPA tul is-snin. Meta jagħmel dan ikollu idea ħafna iktar ċara tal-ħsara kbira li saret mill-partit tiegħu fil-Gvern meta ħoloq strutturi u għamel ħatriet li kienu jippermettu ndħil kontinwu min-naħa tal-Gvern. Fil-fatt il-Gvern ilu ħafna jindaħal lill-MEPA f’dak kollu li tagħmel! Xi drabi dan kien ovvju iktar minn oħrajn tant li kien hemm żmien li l-MEPA kien qiesha qed titmexxa bir-remote control mill-uffiċċju tal-Ministru jew minn Kastilja. Dan kien possibli prinċipalment għax dawk maħtura biex imexxu ma kienux il-persuni addattati.

Ma nafx jekk Ryan Callus iqiesx dan bħala żball da parti tal-Gvern immexxi mill-PN, inkella sabutaġġ da parti tal-PN fil-mod kif kienu (u għadhom) jaħdmu l-istituzzjonijiet.

Fuq dan il-blog jista’ isib artikli kemm irid dwar is-suġġett biex jekk ikun irid l-Onorevoli Callus jiffriska ftit il-memorja tiegħu u ta’ sħabu.

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali, Alternattiva Demokratika ipproponiet miżura li tista’ tnaqqas dan l-indħil billi żżid il-possibilità li jinħatru persuni aħjar minn dawk li nħatru s’issa kemm fuq il-Bord tal-MEPA kif ukoll bħala l-uffiċjali ewlenin tagħha. Dan ikun jista’ isir billi b’liġi tingħata setgħa lill-Parlament [permezz tal-Kumitat dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp] biex dan ikun jista’ jgħarbel fil-pubbliku l-ħatriet li jkun ser jagħmel il-Gvern. U jekk ma jaqbilx ikun jista’ jinblokka dawn il-ħatriet.

Jekk irid jista’ jaqra l-proposta tal-2013 hawn.  Għax Alternattiva Demokratika mhux tikkritika biss imma tagħmel (u għamlet) proposti konkreti ukoll.