L-enċiklika li ppubblika l-Papa Franġisku l-bierah m’hiex biss enċiklika ħadra. Hi fuq kollox nisġa ta’ argumenti li jispjegaw kif u għaliex il-ħsara ambjentali u l-inġustizzja soċjali jimxu id f’id. Preċiżament l-argument ta’ Leonardo Boff għoxrin sena ilu fil-ktieb tiegħu : Il-karba tal-art, il-karba tal-fqir. [Grito da Terra, Grito dos Pobres.] [Cry of the Earth, Cry of the Poor.]
L-enċiklika hi imsejħa “Laudato Si”, l-ewwel żewġ kelmiet fl-edizzjoni Latina. Huma ukoll l-ewwel żewġ kelmiet tal-Kantiku tal-krejaturi ta’ Franġisku ieħor, ta’ Assisi, li jfissru jkun imfaħħar (il-Mulej).
Oħtna d-dinja qed issofri ħsara kbira riżultat tal-użu ħażin mill-bniedem tar-risorsi ta’ din l-art. Il-ftit ħsara ekoloġika ta’ kull wieħed minna għalkemm tista’ tidher żgħira, meta tinġabar flimkien tammonta għal ħsara ferm ikbar.
Oħtna d-dinja marida minħabba fina. Dan il-mard hu rifless fl-art, fl-ilma, fl-arja u f’kull forma ta’ ħajja fuq din l–art. Hu manifestat ukoll fil-bdil fil-klima li hi riżultat tal-ħidma tal-bniedem.
Hemm relazzjoni mill-qrib bejn il-fqar u l-fraġilità tad-dinja. Il-ħarsien tal-ambjent u l-ħarsien tal-fqar u l-vulnerabbli jimxu id f’id. Il-fqar jgħidilna Franġisku huma mċaħħda minn dak li hu essenzjali biex jgħixu b’dinjità fil-waqt li l-għonja jiffangaw. Il-qerda ekoloġika hi l-ħolqa bejn it-tnejn.
Dan kollu qed iwassal għal dejn ekoloġiku sostanzjali li hu l-wirt li ser inħallu lill-ġenerażżjonijiet futuri. Huma l-foqra li ser iħallsu dan id-dejn riżultat tar-regħba u l-ħela tar-riżorsi tad-dinja tul is-snin.
Dan hu l-messaġġ mifrux fuq il-184 paġna tal-enċiklika. Il-qerda ambjentali u l-inġustizzji soċjali huma ż-żewġ naħat tal-istess munita. Inkluż il-bdil fil-klima.
Ippubblikat fuq iNews : il-Ġimgħa 19 ta’ Ġunju 2015