Il-ġimgħa l-oħra kellna żewġ inċidenti fil-Freeport.
L-ewwel inċident seħħ it-Tnejn 8 ta’ Ġunju meta ntlaqat container li nfaqa’ u parti mill-kontenut likwidu tiegħu spiċċa l-baħar. Sal-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju, tard fil-għaxja, l-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu għadhom sejrin bil-ħidma ta’ tindif. Sadanittant il-Bajja s-Sabiħa baqgħet magħluqa sakemm it-testijiet tal-kwalità tal-ilma baħar li qed isiru mid-Dipartiment tas-Saħħa Ambjentali jagħtu riżultati tajbin, ċjoe li jista’ jsir l-għawm.
Sadanittant kellna inċident ieħor u s-Sibt waranofsinnhar sitt ħaddiema tal-Freeport iddaħħlu l-isptar bħala prewkazzjoni minħabba rwejjaħ ta’ gass li x’aktarx ikkawżaw uġiegħ ta’ ras u dardir.
Fortunatament ftit li xejn kellna inċidenti ta’ din ix-xorta, u dan minħabba li kemm il-management kif ukoll il–ħaddiema tal-Freeport jaħdmu sewwa u bil-galbu. It-taħriġ kontinwu li jingħata lill-ħaddiema kollha tal-Freeport, kif ukoll l-apparat addattat li jintuża jgħinu biex inaqqsu l-possibilità ta’ inċidenti. Imma huwa inevitabbli li iktar ma jiżdied ix-xogħol fil-Freeport [u bl-estensjoni tal-Freeport, ix-xogħol ser jiżdied] tiżdied ukoll il-probabiltà ta’ iktar inċidenti.
Ma dan trid iżżid ukoll il-ħidma bil-gass tal-Power Station ta’ Delimara. Faċċata tal-Bajja s-Sabiħa suppost li jkollna tanker permanenti fil-Bajja ta’ Marsaxlokk biex fih jinħażen il-gass. Bejn tmien u tnax-il darba fis-sena jidħol ukoll tanker ieħor biex iġib iktar provisti ta’ gass.
Jiġifieri fil-bajja l-problemi ser jiżdiedu mhux ser jonqsu. Ma noħodiex bi kbira li l-ġranet li fihom ma jkunx possibli li jsir l-għawm fil-Bajja s-Sabiħa ukoll ser jiżdiedu. L-inċidenti tal-ġimgħa l-oħra huma indikazzjoni ta’ x’hemm lest għalina.
Dan hu l-prezz ta’ dak li uħud isejħulu progress jew żvilupp. Huwa l-prova ta’ kemm kellhom raġun dawk kollha li opponew l-estensjoni tal- Freeport.