Il-bierah fiż-Żonqor Marsaskala Simon Busuttil wiegħed mhux biss li jibqa’ jkun fuq quddiem biex “iħares” iż-Żonqor imma ukoll biex iħares l-ODZ (iż-żona barra mil-linja tal-iżvilupp).
Simon Busuttil qalilna ukoll li “jekk” il-PN għamel xi żbalji ambjentali jiskuża ruħu dwarhom! Għax Simon Busuttil, taf int, għandu dubju dwar jekk il-PN għamilx żbalji ambjentali.
Jekk tħarsu sewwa fir-ritratt fuq il-lemin, fuq wara, fiċ-ċirku aħmar jidher George Pullicino li kien il-Ministru responsabbli biex parti mill-ODZ ma baqgħetx ODZ.
F’Lulju 2006 l-Parlament approva mozzjoni imressqa minn Pullicino biex żewġ miljun metru kwadru ta’ art ODZ ma tibqax ODZ. Dan kien ifisser li f’diversi lokalitajiet żdiedet l-art li tista’ tinbena. Dan apparti l-introduzzjoni ta’ policies li għamluha possibli biex iktar art fl-ODZ tinbena, bħalma ġara fil-kaz tal-art li fuqha inbnew il-Lidl ta’ Ħal-Safi u Ħal-Luqa.
Dan għandu l-wiċċ jipprotesta! Xejn ma jiddejjaq jipprova jgħaddik biż-żmien.
Għamilt sewwa jiena li ma mortx iż-Żonqor il-bieraħ. Għax minkejja li bla dubju kien hemm diversi persuni ta’ rieda tajba fiż-Żonqor il-bieraħ, il-presenza ta’ persuni bħal George Pullicino (u ta’ oħrajn) twassal messaġġ ċar li dawn jaħsbu li jistgħu jibqgħu jgħaddu ż-żmien bin-nies.
Kif tista’ tkun kredibbli meta fil-Gvern tagħti l-ODZ għall-bini u fl-Opposizzjoni tipprotesta biex l-ODZ ikun protett? Fix-xhur li għaddew diġa fuq dan il-blog tkellimt dwar l-ODZ f’Ħ’Attard fejn ukoll kellna lil David Agius, Membru Parlamentari mill-Opposizzjoni, li kien ivvota favur il-bini tal-ODZ u mbagħad ġie mar-residenti biex jipprotesta kontra d-deċiżjoni tiegħu stess!
Simon Busuttil, iddeċiedi: jekk verament trid tipproteġi l-ODZ, meta ser tressaq mozzjoni fil-Parlament biex tħassar jew tal-inqas tirrevedi dak li għamel George Pullicino bil-mozzjoni approvata mill-Parlament nhar l-Erbgħa 26 ta’ Lulju 2006?
Alternattiva Demokratika fil-Manifest Elettorali għall-elezzjoni ġenerali tal-2013 qalet dan b’mod mill-iktar ċar fil-paġna 82 tal-Manifest Elettorali fis-silta ta’ hawn taħt :