2 miljun metru kwadru, rigal tal-PN lill-ispekulaturi

euros .....

Qabel mal-Partit Nazzjonalista joqgħod jippontifika dwar kemm għandu għal qalbu l-ODZ ikun tajjeb li jiftakar li kien il-PN fil-Gvern li ittrasforma 2 miljun metru kwadru ta’ art barra miż-żona ta’ żvilupp (ODZ) u ġiebha art tajba għal bini. Dan permezz tal-iskema magħrufa bħala tar-rationalisation.

L-effetti ta’ din id-deċiżjoni ħażina għadna qed inħossuhom kuljum prinċipalment minħabba li l-parti l-kbira minn dawn iż-żewġ miljun metru kwadru għadhom ma nbnewx.

Riċentement, per eżempju, f’Ħ’Attard qamet il-polemika dwar waħda minn dawn l-artijiet. L-ipokrezija tal-PN f’dan il-każ kienet bla limitu għax wieħed mill-membri Parlamentari li kien ivvota favur li dawn iż-żewġ miljun metru kwadru ta’ art ODZ isiru tajbin għall-bini kellu l-wiċċ jiġi jipprotesta mar-residenti.

Kif tistgħu titwemmnu li tridu tappoġġaw lir-residenti, jekk dejjem tajtu l-appoġġ inkundizzjonat tagħkom lill-ispekulaturi?

 

Għal iktar informazzjoni, ara fuq dan il-blog:

Ħ’Attard: dmugħ tal-kukudrilli.

Il-bikja tal-kukkudrill tkompli ………. dwar l-art f’Ħ’Attard.

 

 

 

 

2 comments on “2 miljun metru kwadru, rigal tal-PN lill-ispekulaturi

  1. Naħseb illi qabel ma’ wieħed jasal għall-konklużjonijiet ażżardati, presubilment fuq dak illi qal Johann Buttiġieġ, is-CEO tal-MEPA fil-Parlament, għandu l-ewwel jivverifika l-fatti u jiftakar minn fejn tlaqna.

    Fl-1989, il-gvern Nazzjonalista għadda liġi sabiex jillimita ż-żoni ta’ żvilupp u jimla l-lacuna illi kienet inħolqot fi żmien meta l-ministru kien japprova permess bil-famuż timbru TWBNO (There will be no objection) u bit-taħwid illi kienet ġabet l-iskema tal-Building Development Areas illi jekk niftakar tajjeb kienet ippilotata mill-Kummissarju Ewropew tal-Ambjent attwali. Il-liġi tal-1989 ħolqot l-iskemi temporanji tal-iżvilupp, it-Temporary Provisions Scheme (TPS). Dawn it-TPS saru b’mod mgħaġġel u nkomplet : tant illi raħal sħiħ, l-Imtarfa tħalla kompletament barra,

    Meta ġie adottat il-Pjan ta’ Struttura u twaqfet l-Awtorita’ tal-Ippjanar, dawn it-TPS servew bħala l-bażi taż-zoning sakemm jiġu adottati l-pjani lokali. Dan il-proċess ta’ abbozzar tal-pjani lokali dam sejjer wisq u fl-opinjoni tiegħi, ma sarx b’mod sodisfaċenti għax inħoss illi ħafna problemi tal-ippjanar illi għandna għandhom l-għeruq tagħhom fil-mod kif tfasslu l-pjani lokali. Sal-2006, xi pjan lokali jew tnejn biss kienu ġew adottati imma f’dik is-sena, kienet ser tidħol fis-seħħ l-Strategic Environmental Assessment Directive u l-gvern kellu jgħaġġel sabiex jevita l-proċess riġoruż tal-SEA Directive. Għaldaqstant, tfaqqset il-famuża skema tar-rationalisation illi kieku l-MEPA għamlet xogħolha sew, kienet tiġi evitata. Imma l-MEPA, ħmistax-il sena wara li twaqfet, kienet għadha ma kkonkludietx il-pjani lokali. Għalkemm l-aħħar kelma fil-pjani lokali hija tal-ministru, il-ministru ma riedx jidher ikraħ u ma jaċċettax l-abbozzi tal-pjani lokali u jibgħathom lura lill-MEPA u għaldaqstant, tfaqqset l-iskema extra-legali tar-razzjonalizzazzjoni illi m’għandha l-ebda bażi fil-liġi sabiex isir dak illi suppost sar fil-pjani lokali.

    Kemm il-pjani lokali kif ukoll l-iskemi ta’ razzjonalizzazzjoni ġew adottati f’Ġunju 2006, ta’ l-ewwel mill-ministru fil-waqt illi l-iskemi ta’ razzjonalizzazzjoni mill-Parlament. F’kawża li saret biex tisfida l-legalità ta’ l-iskema ta’ razzjonalizzazzjoni illi saret minn 150 ruħ u bosta għaqdiet ambjentali u li tagħha jiena avukat, Frans Mallia, uffiċjal għoli tal-MEPA illi kien involut fl-abbozzar tal-pjani lokali u fl-iskemi ta’ razzjonalizzazzjoni , esebixxa l-arji kollha illi ġew reżi fabbrikabbli fl-2006 b’xi mod jew ieħor.

    Meta saret analiżi ta’ dan id-dokument irriżulta illi :

    i. 1,101,300 m.k. ta’ art li qabel ma kienetx fabbrikabbli saret fabbrikabbli permezz tal-pjani lokali skond il-proċess ikkontemplat mil-liġi, liema art kienet tinkludi l-Imtarfa (332,300 m.k.), Ħal-Luqa (115,600 m.k.) u Msida (Mater Dei ?) (161,300 m.k.).

    ii. 700,900 m.k. saru fabbrikabbli bl-iskema ta’ razzjonalizzazzjoni peress illi kkwalifikaw mal-kriterji approvati mill-Kabinett;

    iii. 163,900 m.k. ġew proposti mill-Kumitat Permanenti ta’ l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp illi kienu jinkludu 111,900 m.k. ta’ Smart City. (Ta’ min igħid illi fl-epoka kienet saret akkuża illi l-membri laburisti ta’ dan il-kumitat riedu illi aktar art issir fabbrikabbli milli riedet in-naħa tal-gvern. Li naf hu illi meta tellajnihom jixhdu l-Qorti, ħadd minnhom ma ftakar xejn u qalulna biex nikkonsultaw il-minuti !)

    iv. 70,900 m.k. ġew illegalment proposti mill-bord tal-MEPA minkejja illi ma kienux konformi mal-kriterji tal-kabinett.

    Jekk tgħoddhom, issib illi huma ftit anqas minn żewġ miljun metru kwadru. Għaldaqstant, illi tgħid illi 2 miljun metru kwadru ta’ art kien rigal tal-PN għall-ispekulaturi hija simplifikazzjoni illi tiżvija u illi ma tgħinx id-dibattitu,

    Irridu fuq kollox noqogħdu attenti illi ma nkunux dommatiċi u neskludu kwalunkwe żvilupp barra mil-linja ta’ l-iżvilupp għax ċertu żvilupp bil-fors irid isir f’dawn iż-żoni. Imma rridu nżommu ma dak illi jgħid il-Pjan ta’ Struttura illi għandu jkun hemm presunzjoni kontra l-iżvilupp barra l-linja ta’ l-iżvilupp u tali żvilupp jista’ jsir biss meta m’hemm l-ebda alternattiva oħra.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s