Huwa ta’ sodisfazzjon li l-ideat tal-politiċi fil-Parlament dwar l-immigranti inbidlu tul is-snin.
Niftakru sewwa meta l-PN fil-Gvern kien jappoġġa lill-Gvern Taljan. Dakinnhar il-Gvern Taljan b’Berlusconi Prim Ministru u l-Legista Roberto Maroni Ministru tal-Intern kien qed imexxi l-quddiem politika ta’push-back: jiġifieri li jimbotta lill-immigranti lura lejn il-Libja. Inkella jekk isalvhom jeħodhom lura fil-Libja.
Ankè Joseph Muscat bħala Prim Ministru bl-appoġġ ta’ Manwel Mallia Ministru tal-Intern mexxa l-quddiem politika ta’ push-backs. Niftakru meta ordnaw ajruplani tal-AirMalta, biex jieħdu lill-immigranti lura lejn il-Libja fis-sajf tal-2013. Dakkinhar il-Gvern immexxi minn Muscat kien inżamm mill-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem fuq talba tal-għaqdiet Maltin li jaħdmu favur id-drittijiet tal-immigranti.
Dawk iż-żmienijiet fortunatament spiċċaw għax issa jidher li kkonvertew u m’għadhomx jitkellmu jew ikesksu favur il-push-backs.
Huwa ta’ sodisfazzjoni li anke fuq din ġew jaqblu ma Alternattva Demokratika li dejjem tkellmet kontra l-push-backs u favur is-solidarjetà.
Huwa tajjeb li issa lkoll leħen wieħed kontra push-backs u favur is-solidarjeta. Hekk bħala pajjiż aħna ħafna iktar kredibbli meta ninsisitu li l-Unjoni Ewropeja għandha terfa’ parti mill-piż magħna l-Maltin.
Iż-żjara tal-President Ġermaniż f’dan is-sens hi ukoll ċelebrazzjoni favur id-dinjità tal-immigrant. Tajjeb ħafna. Imma għad baqa’ ħafna x’isir għax għadna fil-bidu.