Mela l-Kaċċaturi San Umbertu qalu li l-każ tal-ispanjulett li ntlaqat minn żewġ tiri u li waqa’ fil-ground tal-Kulleġġ St Edward’s kien tort ta’żewġt itfal li kellhom senter misruq.
Issa sirna nafu li ser jittella’ l-Qorti persuna ta’ 25 sena li għandu liċenzja tal-kaċċa. Fil-fatt ittella’ żgħażugħ ta’ 21 sena skond kif tirrapporta it-Times online.
Ovvjament il-Kaċċaturi San Umbertu kienu qed jippruvaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel. Għax jidher li ma kienu jafu xejn, imma fl-istess ħin riedu jgħidu li min spara ma kienx kaċċatur.
Issa ilna għaddejjin kważi ġimgħatejn b’numru ta’ każi ta’ illegalitajiet li nqabdu u oħrajn li ma nqabdux.
Fosthom insibu s-segwenti :
15 t’April: Daqquqa maqtula fil-Manikata; kaċċatur min-Naxxar immultat €2,500. qal li ħasibha gamiema;
16 t’April: Venewwa milqut f’Ħal-Far; kaċċatur jeħel tlett xhur ħabs;
22 t’April: Daqquqa milquta misjuba fil-Miżieb;
24 t’April: Żagħżugħ milqut miċ-ċomb sparat minn kaċċatur f’Pembroke; il-kaċċatur jagħtieh daqqa ta’ ħatra; il-kaċċatur jittella l-Qorti;
25 t’April: il-CABS xhieda ta’ sparar fuq spanjulett ħdejn l-ajruport;
25 t’ April: il-CABS xhieda (b’filmat) ta’ kaċċatur jispara wara l-curfew;
25 t’April: il-CABS isibu daqquqa feruta oħra moħbija fil-Miżieb;
26 t’April: gawwi isfar b’feriti biċ-ċomb misjub f’Pembroke;
27 t’April: Spanjulett ferut jaqa’ fil-ground tal-Kulleġġ St Edwards School, il-Birgu;
B’żieda ma dan kien hemm total ta’ 63 każ ta’ użu ta’ tapes b’tisfir irrekordajat tal-għasafar (illegal bird callers) li ġew identifikati mill-CABS.
Dan kellu jkun l-aħħar cans.