
Għandha raġun Astrid Vella f’isem FAA (Flimkien għal Ambjent Aħjar) li ffukat fuq Villa Gwardamangia fil-konferenza stampa ta’ nhar is-Sibt li għadda. Għax il-wirt storiku tagħna hemm l-obbligu li nieħdu ħsiebu dejjem, irrispettivament minn min hu s-sid tiegħu. Veru li l-istat Malti jgħin. Imma s’issa għin lil min seta jgħin ruħu. Fejn sidien ta’ propjetà ma kellhomx ir-riżorsi neċessarji s’issa ma sar xejn. Jew kważi xejn.
Kien għalhekk inkuraġġanti li fl-ewwel reazzjoni tiegħu l-Gvern qal li qed ifittex soluzzjoni għall-problema ta’ Villa Gwardamangia. Tajjeb. Issa huwa importanti li s-soluzzjoni mhux biss ifittxuha, imma li nsibuha ukoll!
X’għandu jsir?
L-ewwel nett irridu nifhmu li mhux kull sid ta’ propjetà għandu biżżejjed riżorsi biex jieħu ħsieb din it tip ta propjetà.
It-tieni, jekk il-wirt storiku tagħna m’aħniex ser nieħdu ħsiebu bħala nazzjon dan ser ikompli jitmermer u b’hekk, biċċa biċċa, jintilef darba ghal dejjem.
It-tielet: l-istat għandu l-obbligu li ġaladarba jkun ikklassifika bini bħala protett għandu jassigura li dan il-bini jibqa’ f’kundizzjoni tajba. Ma jagħmilx sens li niċċaqalqu meta l-froġa tkun diġa saret.
Ir-raba’ huwa meta l-bini jingħata l-protezzjoni għall-ewwel darba li l-awtoritajiet għandhom jagħmlu l-verifiki jekk is-sidien tal-bini jistgħux jieħdu ħsiebu. Jekk f’dan l-istadju jistabilixxu li s-sidien ma jistgħux jieħdu ħsieb tal-bini allura l-awtoritajiet għandhom dak il-ħin jagħmlu l-arranġamenti alternattivi meħtieġa biex ikunu huma li jidħlu għal din ir-responsabbiltà. Il-Gvern għandu ħafna strumenti legali li jippermettulu jagħmel arranġamenti ta’ din ix-xorta.
Huwa biss b’dan il-mod li nistgħu nieħdu ħsieb sewwa tal-wirt storiku tagħna.
Fil-kaz ta’ Villa Gwardamangia din ġiet skedata fl-20 t’April 2001 (ara pjanta hawn taħt). L-iskedar ta’ propjeta’ fil-prattika jfisser li hemm limitazzjonijiet dwar xi żvilupp jista’ jsir fil-bini innifsu (inkluż alterazzjonijiet) u madwaru. Ikun tajjeb illi l-protezzjoni li l-MEPA tagħti lill-bini storiku jkun ifisser ukoll għarfien aħjar tal-obbligu li nżommu dan il-bini f’kundizzjoni tajba.
Il-mistoqsija loġika hi: matul dawn l-14-il sena x’sar mill-awtoritajiet biex jassiguraw ruħhom li Villa Gwardamangia tinżamm f’kundizzjoni tajba?
It-tweġiba ovvja hi : xejn. Għax li sar xi ħaga ma kienitx tkun fil-kundizzjoni li hi illum.
Ikun għaldaqstant xieraq li meta l-awtoritajiet Maltin jagħtu l-protezzjoni lill-bini storiku tagħna jieħdu ukoll passi biex jassiguraw ruħhom li dan ser jinżamm f’kundizzjoni tajba.
