Madwarna qed tiżviluppa traġedja umana. Traġedja li qed tintiseġ minn dawk li qed jagħmlu l-kummerċ mill-ħajja umana.
Waqt li l-pajjiżi Ewropej iparlaw u jsejħu laqgħat ta’ emergenza fi Brussel, fil-Mediterran, fuq il-fruntiera tal-Unjoni Ewropeja Malta, l-Italja, Spanja, l-Greċja u Ċipru qed jissieltu biex isalvaw il-ħajjiet. Il-problema mhiex problema ta’ Malta, tal-Italja, ta’ Spanja, tal-Greċja jew ta’ Ċipru. Hi problema tal-Ewropa kollha.
Dak li qed jiġri illum mhux xi ħaga ġdida. Ilna s-snin, bis-sofferenza tkompli tiżdied bil-paroli li s’issa ma jwassal għall-ebda soluzzjoni.
Il-bieraħ it-Tnejn, fil-Lussimburgu, l-Unjoni Ewropeja ġiebet flimkien lill-Ministri tal-Intern u tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni biex jiddiskutu azzjoni komuni fid-dawl ta’ din it-traġedja. Jidher li hemm kunsens dwar il-ħtieġa ta’ ġlieda ikkordinata kontra n-negozjanti tal-mewt.
Fil-waqt li hu ċar li ser isir sforz kollettiv biex isalvaw lil dawk kollha mitluqa għall-mewt, fittixt fil-gazzetti Maltin online dwar x’ser jiġri minn dawk li jkunu ġew salvati. Ir-risposta sibtha fir-rapport tal-Guardian li jgħid li fuq bażi volontarja l-pajjiżi membri ser jirrilokaw 5,000 ruħ, u dan bħala proġett pilota. Jiġifieri anke issa f’din il-kriżi ta’ proporzjonijiet li qatt ma rajna bħala il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja għadhom ma jridux jaċċettaw li għandhom obbligu ta’ solidarjeta’.
Is-solidarjeta m’għandhiex issir b’mod volontarju: għandu jkun rikonoxxut li hemm l-obbligu biex kull wieħed mit-28 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropeja jerfa’ l-piż flimkien mal-pajjiżi membri l-oħra.
Bla dubju dan ser ikun l-argument ta’ Malta fis-summit tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropeja nhar il-Ħamis li ġej. Alternattiva Demokratika taqbel perfettament li Malta tinsisti li kull pajjiż jerfa’ parti mill-piż. Imma konxju li fl-Unjoni hemm mexxejja bħal Cameron li qed jiġġieled elezzjoni ġenerali li fiha qed iwiegħed li jnaqqas d-dħul ta’ immigranti fil-pajjiż, sfortunatmaent jiena ma tantx qed nara possibilita li dan iseħħ.