Fin-nofs, nisfidaw il-mewt

migration routes

L-immigranti miġburin mat-tul tal-kosta tal-Libja jafu li ser jisfidaw il-mewt. Imma f’pajjiżhom m’għandhomx futur. Bejn is-sogru kbir għal ħajjithom, x’ħin ikunu bejn sema u ilma, u l-ħajja ta’ miżerja f’pajjiżhom lesti jissugraw. Il-miżerja f’pajjiżhom hi tant kbira li ma jaħsbuwiex darbtejn biex jiffaċċjaw l-isfruttament tan-negozjanti tal-mewt u l-qilla tal-baħar.

Qed jingħad li ħallsu $2,000-il ras għal-passaġġ bejn il-Libja u Sqallija fuq biċċa qoxra li għerqet. Għalihom aħjar il-mewt mill-ħajja li qed jiffaċċjaw.

X’għandu jsir? Żgur li ma baqax iktar ħin għall-paroli. L-imblokk tal-portijiet minnfejn jitilqu l-immigranti m’hu ser isolvi xejn. Dan diġà sar u bħala konsegwenza kien hemm iktar li issugraw ħajjithom.

Il-ġlieda kontra n-negozjanti tal-mewt li qed tipproponi l-Unjoni Ewropeja hi pass tajjeb. Imma l-iktar li hu meħtieġ hu li l-Libja jkollha Gvern demokratiku li jkun jista’ jgħaqqad lill-pajjiż u jmexxih b’awtorità. Gvern li jkun jista’ jikkontrolla l-kosta u l-fruntieri u jirrispetta lil niesu. Ankè dan il-pass, meta jseħħ, ikun pass kbir il-quddiem, imma mhux biżżejjed.

L-immigranti jieqfu ġejjin meta jkun jagħmel sens għalihom li jibqgħu f’pajjiżhom. Meta l-għajnuna internazzjonali li diġà qed tingħata lil pajjiżhom, tibda tħalli l-frott. Meta pajjiżhom ma jibqax iktar għarkuptejh.

Ħafna mill-immigranti ġejjin minn żoni ta’ gwerra ċivili. Inkella minn pajjiżi fejn in-nuqqas ta’ xita wasslet l-agrikultura f’kollass totali. Il-bidla fil-klima fil-fatt hi ukoll waħda mill-fatturi li qed timbotta lill-immigranti biex jitilqu minn pajjiżhom.

F’wieħed minn dawn il-pajjiżi, is-Somalja, l-amministrazzjoni pubblika tal-pajjiż iddiżintegrat u mhux faċli li tinbena mill-ġdid. Il-komunita internazzjonali – inkluża l-Unjoni Ewropeja – diga ħadmet ħafna f’dan is-sens, imma r-riżultati jiġu bil-mod.  Imma fl-aħħar din hi l-unika soluzzjoni.  Meta jkun possibli li l-immigranti irabbu l-fiduċja f’pajjiżhom mill-ġdid, imbagħad tinstab soluzzjoni dejjiema għall-mewġa tal-immigranti fil-Mediterran li kontinwament jisfidaw il-mewt.

Sadanittant kull min hu irrabjat għall-immigranti għandu jdur fuq dawk il-pajjiżi li jinnegozjaw l-armi u armaw liż-żewġ naħat fil-gwerer ċivili.  Inkella jista’ jdur fuq dawk il-pajjiżi li mhux jagħmlu biżżejjed biex jindirizzaw il-bidla fil-klima. L-immigranti huma l-vittmi f’dan kollu u għandhom ħtieġa kbira ta’ solidarjeta rejali.

Pajjiżna huwa prattikament l-ewwel fruntiera għal dawn in-nies. M’hiex għażla tagħna, l-anqas m’hi għażla tagħhom, iżda hi għażla tal-ġografija li poġġiet lil pajjiżna fuq ir-rotta tal-immigrazzjoni.

Ħlief għal xi mumenti qosra taħt kull wieħed minn l-aħħar żewġ Gvernijiet, meta kien hemm xi boloħ jitkellmu jew irewħu favur il-push-backs, pajjiżna dejjem kien fuq quddiem b’solidarjetà rejali.  Hekk għandu jibqa’ avolja l-piż hu kbir u ma nifilħux għalih waħedna. Għax li nagħmlu dak li hu sewwa m’għandu qatt jiddependi minn kemm ħaddieħor jagħmel jew ma jagħmilx dmiru. Ir-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem huwa dak li għandu jmexxina l-quddiem. Hu tajjeb li dan issa jidher li hu aċċettat u li ġie imwarrab il-ħsieb li Malta tista’ xi darba tikser apposta l-obbligi internazzjonali tagħha.

Qegħdin hawn f’nofs il-Mediterran biex nisfidaw lill-mewt w inkunu għassiesa favur il-ħajja. Sadanittant kull għajnuna li nirċievu, merħba biha.

2 comments on “Fin-nofs, nisfidaw il-mewt

  1. Malta dejjem kienet meqjusa li tinstab f’post strategiku f’nofs il-meditteran, hafna drabi dan sewa ta’ gid ghalina habba li gwadanjajna l-kummerc meta naghmluha ta ‘go betweens’ bejn l-ewropa u l-afrika allura issa li qed nintuzaw biex naghtu ghajnuna lill minn tant ghandu bzonnha ma jmissniex ingorru u nuru kemm ahna razzisti ghax mat-tajjeb dejjem trid tiehu l-‘hazin’ bhal f’kull haga ohra!

  2. Bravu Perit ! Artiklu eccellenti ! ….u lil dawk il-ftit imbecilli li jahsbu li nistghu nibnu hajt u nwaqqfu l-mixja tal-gnus iddisprati ghal hajja dinjituza, nistedinhom jaqraw l-istorja tal-umanita’ li hi mizghuda bi grajjiet ta gnus li kellhom jiccaqilqu minn post ghal- iehor minhabba xi raguni jew ohra.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s