L-immigranti miġburin mat-tul tal-kosta tal-Libja jafu li ser jisfidaw il-mewt. Imma f’pajjiżhom m’għandhomx futur. Bejn is-sogru kbir għal ħajjithom, x’ħin ikunu bejn sema u ilma, u l-ħajja ta’ miżerja f’pajjiżhom lesti jissugraw. Il-miżerja f’pajjiżhom hi tant kbira li ma jaħsbuwiex darbtejn biex jiffaċċjaw l-isfruttament tan-negozjanti tal-mewt u l-qilla tal-baħar.
Qed jingħad li ħallsu $2,000-il ras għal-passaġġ bejn il-Libja u Sqallija fuq biċċa qoxra li għerqet. Għalihom aħjar il-mewt mill-ħajja li qed jiffaċċjaw.
X’għandu jsir? Żgur li ma baqax iktar ħin għall-paroli. L-imblokk tal-portijiet minnfejn jitilqu l-immigranti m’hu ser isolvi xejn. Dan diġà sar u bħala konsegwenza kien hemm iktar li issugraw ħajjithom.
Il-ġlieda kontra n-negozjanti tal-mewt li qed tipproponi l-Unjoni Ewropeja hi pass tajjeb. Imma l-iktar li hu meħtieġ hu li l-Libja jkollha Gvern demokratiku li jkun jista’ jgħaqqad lill-pajjiż u jmexxih b’awtorità. Gvern li jkun jista’ jikkontrolla l-kosta u l-fruntieri u jirrispetta lil niesu. Ankè dan il-pass, meta jseħħ, ikun pass kbir il-quddiem, imma mhux biżżejjed.
L-immigranti jieqfu ġejjin meta jkun jagħmel sens għalihom li jibqgħu f’pajjiżhom. Meta l-għajnuna internazzjonali li diġà qed tingħata lil pajjiżhom, tibda tħalli l-frott. Meta pajjiżhom ma jibqax iktar għarkuptejh.
Ħafna mill-immigranti ġejjin minn żoni ta’ gwerra ċivili. Inkella minn pajjiżi fejn in-nuqqas ta’ xita wasslet l-agrikultura f’kollass totali. Il-bidla fil-klima fil-fatt hi ukoll waħda mill-fatturi li qed timbotta lill-immigranti biex jitilqu minn pajjiżhom.
F’wieħed minn dawn il-pajjiżi, is-Somalja, l-amministrazzjoni pubblika tal-pajjiż iddiżintegrat u mhux faċli li tinbena mill-ġdid. Il-komunita internazzjonali – inkluża l-Unjoni Ewropeja – diga ħadmet ħafna f’dan is-sens, imma r-riżultati jiġu bil-mod. Imma fl-aħħar din hi l-unika soluzzjoni. Meta jkun possibli li l-immigranti irabbu l-fiduċja f’pajjiżhom mill-ġdid, imbagħad tinstab soluzzjoni dejjiema għall-mewġa tal-immigranti fil-Mediterran li kontinwament jisfidaw il-mewt.
Sadanittant kull min hu irrabjat għall-immigranti għandu jdur fuq dawk il-pajjiżi li jinnegozjaw l-armi u armaw liż-żewġ naħat fil-gwerer ċivili. Inkella jista’ jdur fuq dawk il-pajjiżi li mhux jagħmlu biżżejjed biex jindirizzaw il-bidla fil-klima. L-immigranti huma l-vittmi f’dan kollu u għandhom ħtieġa kbira ta’ solidarjeta rejali.
Pajjiżna huwa prattikament l-ewwel fruntiera għal dawn in-nies. M’hiex għażla tagħna, l-anqas m’hi għażla tagħhom, iżda hi għażla tal-ġografija li poġġiet lil pajjiżna fuq ir-rotta tal-immigrazzjoni.
Ħlief għal xi mumenti qosra taħt kull wieħed minn l-aħħar żewġ Gvernijiet, meta kien hemm xi boloħ jitkellmu jew irewħu favur il-push-backs, pajjiżna dejjem kien fuq quddiem b’solidarjetà rejali. Hekk għandu jibqa’ avolja l-piż hu kbir u ma nifilħux għalih waħedna. Għax li nagħmlu dak li hu sewwa m’għandu qatt jiddependi minn kemm ħaddieħor jagħmel jew ma jagħmilx dmiru. Ir-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem huwa dak li għandu jmexxina l-quddiem. Hu tajjeb li dan issa jidher li hu aċċettat u li ġie imwarrab il-ħsieb li Malta tista’ xi darba tikser apposta l-obbligi internazzjonali tagħha.
Qegħdin hawn f’nofs il-Mediterran biex nisfidaw lill-mewt w inkunu għassiesa favur il-ħajja. Sadanittant kull għajnuna li nirċievu, merħba biha.