Il-mewt mgħarrqa ta’ mill-inqas 700 immigrant fil-baħar bejn il-Libja u Lampedusa hu frott tal-kultura tal-indifferenza li tirrendja madwarna. Huma 700 persuna li qed jaħarbu mill-konflitti u mill-miżerja, sfruttati min-nies bla skrupli u injorati mill-bqija.
Huma 700 persuna li ħtieġu l-għajnuna u din ma ġietx mogħtija lilhom. Minn flok ma ngħataw l-għajnuna tħallew jaqdfu għal rashom.
Hi problema kontinwa li l-pajjiżi Ewropej fuq il-fruntiera Mediterranja tal-Unjoni Ewropeja tħallew jiffaċċjaw waħedhom. Għax l-istrutturi Ewropeja li kienu kapaċi jħeġġu s-solidarjetà mal-banek f’diffikultà għalqu għajnejhom u sabu diffikultà biex jgħinu l-bniedem li qed jaħrab mill-miżerja u t-terrur.
Allura qed isejħu iktar laqgħat biex juru li taparsi qed jagħmlu xi ħaġa. Dawn huma l-istess nies li ftit ilu kien jrewħu l-mibgħeda u jitkellmu fuq il-pushbacks. Kienu jħeġġu li d-dgħajjes bil-bnedmin maħruba kellhom jitreġġgħu lura minn fejn ġew. Kienu jgħidulna ukoll li dawk li xorta jaslu għandhom ilestulhom l-ajruplani w jibgħatuhom lura minn fejn ġew.
Bħat-traġedji ta’ qabilha, din l-aħħar traġedja hi ukoll ikkawżata mill-indifferenza tal-istituzzjonijiet.
Sadanittant, iktar paroli. Iċ-ċimiterju madwarna jkompli jikber: ħtija tal-indifferenza.
Jiena naħseb li soluzzjoni dejjiema tista’ tiġi biss jekk jiġi mwaqqaf uffiċċju Ewropew tal-għażil fuq il-kosta Libjana. Imma kif, bil-ġlied kollu ji hemm bħal issa?
Dik wahda mill-proposti li saret. Imma kif tghid tajjeb inti, bil-glied li hemm ghaddej il-Libya, bhalissa ftit tista’ titwettaq.
Jekk ma tinstabx soluzzjoni fil-Libya, il-problema ha tikber. U, jekk immorru aktar ‘l boghod, jekk ma tinstabx soluzzjoni ghal genocidju li qed isir fil-Palestina, ftit ftit, id-dizastru ha jkun fenomenali. L-EU u l-USA ghandhom tort kbir f’dawn il-konfronti.