
Smajt u qrajt diversi kummenti ta’ tmaqdir kontra dawk li ma ġabrux il-vot, inkella li ma vvutawx. Dawn il-kummenti fil-fehma tiegħi naħseb li huma inġusti. Għandna nirrispettaw l-għażla li għamlu dawn il-votanti wkoll.
Dawk li ma ġabrux il-vot, inkella kien għandhom u m’għamlux użu minn għandhom ir-raġunijiet tagħhom biex waslu għal din id-deċiżjoni. Raġunijiet li probabbilment ma naqblux magħhom, imma li għandhom kull dritt għalihom.
Hemm uħud minn dawn il-votanti li ma jaqblux mar-referendum fil-prinċipju. Dawn jidhrilhom li huwa l-Gvern, direttament inkella permezz tal-Parlament , li għandu jieħu d-deċiżjonijiet. L-idea tal-parteċipazzjoni demokratika tal-poplu, għal dawn il-persuni, għaldaqstant, hi waħda limitata. Għax għalihom inti tista’ taqbel jew ma taqbilx mal-pakkett politiku kollu kif imfisser fil-manifest elettorali tal-partiti politiċi fl-elezzjoni ġenerali. Bejn l-elezzjonijiet, imbagħad, inti ma’ jkollokx vuċi.
Fil-parti l-kbira tagħhom, dawk li ma vvutawx dehrilhom li la kellhom jivvutaw IVA u l-anqas setgħu jivvutaw LE. Probabbilment li waslu għal din il-konklużjoni għaliex ħadd ma ikkonvinċihom fuq l-utilità demokratika tal-parteċipazzjoni tagħhom. Inkella għax ma interessahomx li jsegwu d-dibattitu. Inkella dehrilhom li ma kellhomx ħin x’jaħlu dwar l-għasafar.
Kienet x’kienet ir-raġuni biex madwar 25% tal-votanti Maltin ma għamlux użu mid-dritt li jivvutaw għandna l-obbligu li nirrispettaw id-deċiżjoni tagħhom.
Aħna poplu li nħobbu nivvutaw. Għandna għatx kbir u kontinwu biex nipparteċipaw fid-deċiżjonijiet li jieħu dan il-pajjiż. Għalhekk ħafna ddejqu li 25% tal-votanti kellhom opportunità u ma għamlux użu minnha.
Imma għandna ukoll ikollna sodisfazzjoni illi fir-referendum abrogattiv tal-11 t’April ipparteċipaw 75% ta’ dawk li kellhom dritt. Fid-dinja demokratika dan hu persentaġġ għoli ħafna parteċipazzjoni, iktar u iktar meta wieħed iqis li s-suġġett (il-ħarsien tal-għasafar fir-rebbiegħa) mhuwiex meqjus bħala ta’ xi importanza kbira mill-parti l-kbira tan-nies. Xi snin ilu, fl-Italja, f’referendum abrogattiv simili pparteċipaw madwar 42% tal-votanti, inqas mill-kworum rikjest ta’ 50%.
Imma l-kotra tal-votanti Maltin ipparteċipat għax għarfet illi din hi għodda demokratika importanti. Darba oħra, forsi, jkunu konvinti iktar votanti biex jipparteċipaw. Jiddependi minna jekk id-demokrazija tagħna għandhiex tibqa’ ħajja.