L-għażla favur l-ambjent

turtle doves just shot

 

Il-poplu tkellem. Ħa deċiżjoni li jixirqilha kull rispett minn kull min hu demokratiku.

Dan ma jfissirx iżda li għandi xi obbligu li naqbel mad-deċiżjoni. Fil-fatt ma naqbilx mad-deċiżjoni. Kont kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa u għadni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa. U ser nibqa’ naħdem f’kull okkazjoni li jkolli sakemm il-kaċċa fir-rebbiegħa tispiċċa.

Id-deċiżjoni fir-referendum ta’ tmiem il-ġimgħa, iżda, tfisser ħaġa waħda : li dawk li kellhom id-dritt illi jivvutaw wiżnu dak li ntqal u ħadu deċiżjoni. Kienet deċiżjoni favur il-kaċċa fir-rebbiegħa. Huma x’inhuma r-raġunijiet li wasslu lill-votant individwali biex jivvota kif ivvota, dawn,  la jnaqqsu u l-anqas ma jżidu mal-mertu tad-deċiżjoni.  Huwa l-mod ċivili kif jittieħdu d-deċiżjonijiet f’pajjiż demokratiku.  Tajjeb li  bħala pajjiż kellna l-kuraġġ li nagħżlu din it-triq. Hija t-triq demokratika li rridu nieħdu meta l-gvernijiet jieħdu deċiżjonijiet serji  li ma jogħġbuniex.

Ivvutaw 74.84% tal-votanti reġistrati. Persentaġġ ferm għoli fid-dinja demokratika, iktar u iktar fuq issue li mhiex a “bread and butter issue”.  Dawk li ma ivvutawx kellhom kull dritt li ma jivvutawx.  Probabbilment li fil-parti l-kbira tagħhom għamlu hekk għax il-kaċċa fir-rebbiegħa għalihom m’għandha l-ebda importanza jew sinifikat u ma japprezzawx is-sinifikat li din għandha fil-ħajja ta’ ħaddieħor. Huwa ġudizzju tagħhom li ukoll għandu jkun rispettat, anke jekk ma naqbilx miegħu.

Dawk li vvutaw favur il-kaċċa fir-rebbiegħa m’humiex kollha kaċċaturi. Anzi.  Ftit biss minnhom huma. L-oħrajn ivvutaw favur il-kaċċa għal xi raġuni oħra.

Hemm min ivvota favur il-kaċċa minħabba fil-mod kif iddikjaraw li ser jivvutaw Joseph Muscat u Simon Busuttil. Muscat u Busuttil ma ikkampanjawx attivament favur il-kaċċa. Kullma għamlu kien “biss” li iddikjaraw kif ser jivvutaw. Muscat żied xi ftit kummenti oħra. Nafu iżda li f’xi każijiet kien hemm attivisti  politiċi li ikkampanjaw bieb bieb jew ċemplu u ħeġġew lill-votanti biex jivvutaw bħal Joseph u Simon. Kien hemm min għaqqad flimkien il-kampanja għal Kunsilli Lokali ma kampanja favur l-IVA. Dawn kollha kellhom kull dritt li jagħmlu hekk. Li m’għandhomx dritt hu li dan il-fatt jaħbuħ. Għax kulħadd għandu l-obbligu li jerfa’ r-responsabbilta ta’ dak li jagħmel.

Ma tistax l-ewwel tiddikjara li ser tħalli lil kulħadd liberu kif jivvota u imbagħad tibgħat messaġġi kontinwi dwar kif fil-fatt għandhom jivvutaw.

Imma b’kuntrast ma dan kollu, b’mod pożittiv irid jingħad illi 49.56% ta’ dawk li ivvutaw xeħtu vot kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa u għażlu li jivvutaw LE. Vot li jikkuntrasta ma kif qalu li ser jivvutaw Simon Busuttil u Joseph Muscat.  Għażlu li jiddeċiedu b’moħħhom u mhux li jimxu kif indikalhom jew ipprova jħajjarhom ħaddieħor.  Dawn taw messaġġ qawwi kemm lil Joseph Muscat kif ukoll lil Simon Busuttil li għal nofs il-votanti l-ambjent għandu importanza kbir.

Għaliex rebaħ l-IVA?  Qatt ma jkun hemm raġuni waħda. Hemm fil-fatt diversi. Kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tikkontribwixxi ftit biex vot jitbegħed lejn għażla differenti. Miġbura flimkien imbagħad jissarfu f’telfa. Għax t-telfa b’2220 vot, avolja hi telfa minima, ma tistax tissejjaħ bl-ebda isem ieħor.

Imma irridu nirrikonoxxu ukoll li għall-ewwel darba kważi nofs il-poplu Malti ivvota favur kawża ambjentali. Għal numru żgħir minnhom, dan m’hu xejn ġdid. Għal bosta oħrajn din kienet l-ewwel darba. Ikun tajjeb li din l-esperjenza li iktar votanti jivvutaw favur l-ambjent isseħħ iktar spiss. Kieku, pajjiżna jkun ferm aħjar.

4 comments on “L-għażla favur l-ambjent

  1. Sewwa ghamlu. Anke dawk li vvutaw IVA “għażlu li jiddeċiedu b’moħħhom u mhux li jimxu kif indikalhom jew ipprova jħajjarhom ħaddieħor,” inkluza l-AD.

    Ghadni ma nistax nifhem x’ghandu x’jaqsem l-ambjent ma kacca regolata fir-Rebbiegha! Il-ftit gamiem u summien li jghaddu minn fuq Malta mhux ha jaghmlu xi differenza ghall-ezistenza taghhom lanqas jekk jinqatlu kollha u ghad irrid nisma’ li hawn xi hadd li jmur ‘bird-watching’ ghall-gamiem jew summie, (li l-brodu taghhom jaghmel tajjeb anke ghas-sahha) fir-rebbiegha u, allura, ghaliex le fil-harifa. . It-tigiega hija ghasfur li jbid kuljum izda l-ebda ambjentalist ma jipprova iwaqqaf il-qtil tat-tigieg. Il-bajd tal-gamiem u s-summien huwas delicatessen izda hadd ma pprova jwaqqaf li dawn jinbighu fir-restaurants!

  2. proset u grazzi ta kollox lilek u lill Ad li dejjem hadem favur l-ambjent u li kien wiehed mill gruppi l-izjed attivi biex dan ir-referendum isehh u ahna hdimna id f’id maghkom ghax emminnha li dan kien se jkun ta gid ghal pajjizna u ghal ambjent!! il-poplu iddecieda imma ahna xorta dispjacuti hafna bid-decizjoni!!

  3. Etikament qatt ma tista tkun korrett meta qieghed b’mod jew b’iehor tinfluwenza in-nies li ghandhom id-dritt tal-vot.

    • X’inhu!? Allura jmisshom jinqataw il-kampanji elettorali kollha!! Kif ukoll, jekk nigu f’dan, ir-reklami kollha! Din il-kwalita ta’ etika minn fejn giet?

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s