Voti u pjaċiri fil-Ministeru għal Għawdex

 Ministry for Gozo

L-aħbarijiet dwar it-taħwida f’Għawdex fi żmien il-Ministru Ġiovanna Debono fuq it-tpartit bejn pjaċiri u voti qed jintensifikaw.

Hi taħwida li probabbilment ma konniex inkunu nafu biha kieku ma kienx hemm kuntratturi li kienu għadhom ma tħallsux.

Għax il-każ ma sirniex nafu bih għax xi ħadd missitu l-kuxjenza biex jirrapporta l-ħmieġ. Il-motiv kien wieħed biss: kien għadu ma tħallasx tax-xogħol li tqabbad jagħmel.

Hemm ħafna mistoqsijiet li jeħtieġu tweġiba. Mhux biss dwar min ħa id-deċiżjonijiet, imma iktar u iktar dwar min kellu l-poter li jżomm dan il-ħmieġ milli jseħħ u ma ħax passi. Fi ftit kliem min għalaq għajnejh meta xogħolu hu li jzommhom miftuħin beraħ il-ħin kollu.

Hemm punt ieħor importanti, li fl-opinjoni tiegħi hu ta’ natura fundamentali. Ġimgħa ilu fuq dan il-blog ippubblikat artiklu intitolat : Fil-Ministeru għal Għawdex: is-Segretarju Permanenti Frank Psaila.

Dakinnhar tkellimt dwar kif Frank Psaila kien mitlub jirtira kmieni mis-servizz pubbliku fl-età ta’ sittin sena. Dan wara li hu ilmenta illi ma setax jagħmel xogħolu sewwa u dan minħabba li kien qed ikollu ndħil politiku.

Bla ma trid bilfors tistaqsi lilek innifsek  jekk it-tneħħja ta’ Frank Psaila minn Segretarju Permanenti iffaċilitatx dan it-taħwid kollu.

Bilfors ukoll tistaqsi allura dwar kemm hu għaqli li s-Segretarji Permanenti fil-Ministeri jinbidlu mal-bidla fil-Gvern. Mhux aħjar ikollna nies ta’ esperjenza u integrità? Mhux aħjar ikollna nies kapaċi jxommu l-affarijiet  u jwaqqfu meta jkun meħtieġ?

Is-Segretarji Permanenti fil-Ministeri m’għandhomx ikunu qaddejja tal-Ministru, l-anqas qaddejja tal-Gvern. Iżda qaddejja tas-servizz pubbliku.