Nhar il-Ħadd, fil-Qala Għawdex, il-Prim Ministru Joseph Muscat, meta kien qed jitkellem fuq ir-referendum abrogattiv dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa tkellem dwar in-nuqqas ta’ rispett.
Fil-fatt, il-qalba tal-argument tar-referendum abrogattiv hu n-nuqqas ta’ rispett lejn l-ambjent.
Spiss nitkellmu dwar ir-rebbiegħa. Ħafna drabi nitkellmu ukoll dwar rebbiegħa ġdida. Nagħmlu dan għax ir-rebbiegħa hu iż-żmien ta’ tiġdid: hekk tagħmel in-natura fir-rebbiegħa, tiġġedded.
Il-kaċċa fir-rebbiegħa twassal għal qtil ta’ għasafar fi triqithom biex ibejtu. Mhux biss gamiem u summien. Imma ukoll għasafar oħra li jkunu ikkaċċjati bl-iskuża tal-gamien u s-summien.
Fir-rebbiegħa, iktar milli fi kwalunkwe żmien ieħor tas-sena għandna nirrispettaw lin-natura u nħalluha titkattar bla xkiel . Dan li ser iseħħ permezz tar-referendum abrogattiv nhar il-11 t’April 2015. Bil-vot LE ser insaħħu r-rispett lejn in-natura fir-rebbiegħa, biex igawdiha kulħadd.
ippubblikat fuq iNews: Tlieta 24 ta’ Marzu 2015